Saturday, May 11, 2024

Imwettaq 87% tal-manifest elettorali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ddikjara li bil-miżuri mħabbra fil-Budget 2022, se tkompli tiżdied ir-rata tat-twettiq tal-manifest elettorali, li s’issa twettaq ftit iktar minn 87%. 

Huwa qal dan f’konferenza stampa bit-tema Malta li rridu għal uliedna, fejn għamel referenza għal dak li ġie mħabbar fil-budget għas-sena d-dieħla b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mad-djalogu soċjali, ix-xandir pubbliku kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. 

Dwar ix-xandir pubbliku, il-Ministru Abela spjega li l-ħidma kbira li twettqet fl-aħħar xhur fil-PBS u dik li qed tkun proposta, huma mnebbħa mill-isfidi futuri f’dan is-settur kif ukoll mix-xewqa li noħolqu aktar opportunitajiet madwar l-industrija tax-xandir u karriera għaż-żgħażagħ tagħna. Sabiex il-PBS iwettaq din il-viżjoni, il-Ministru semma l-proġett, maqsum fuq tliet fażijiet, li l-PBS se tniedi biex taġġorna l-faċiltajiet u r-riżorsi tagħha.

Dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, il-Ministru semma l-miżura tal-ħlas doppju għas-sigħat ta’ xogħol li jinħadmu l-Ħadd, miżura li fi kliemu turi li dan il-Gvern qed ikompli jiġġieled il-prekarjat u dan b’kuntrast ma’ amministrazzjoni preċedenti. 

Huwa tkellem ukoll dwar l-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta fejn spjega kif din is-sena saret ħidma biex din l-aġenzija ssaħħaħ is-servizzi ta’ informazzjoni u ta’ assistenza għall-kisba ta’ fondi Ewropej.

Il-Ministru spjega wkoll il-ħidma li saret fejn jidħol il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex jissaħħaħ id-djalogu soċjali kif ukoll li d-diskussjoni tkun ibbażata fuq ir-riċerka bil-għajnuna ta’ numru ta’ esperti flimkien ma’ rappreżentanti mill-imsieħba soċjali. 

Il-Ministru rrimarka li fiż-żmien li ġej se jiġi diskuss fl-MCESD, mekkaniżmu ġdid, li huwa indipendenti mill-COLA, b’mod partikolari biex nipproteġu lill-familji l-aktar vulnerabbli.

Il-Ministru Abela tenna wkoll li s-sena 2022 għandha tkun ta’ sfida għall-Privatisation Unit (PU), fejn apparti l-proġetti li għaddejjin bħalissa, il-PU se tkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Konċessjoni għad-Drittijiet tal-Lotterija Nazzjonali, li mistennija tiġġenera minimu ta’ 40 miljun ewro bħala dħul fil-fondi pubbliċi.

Sport