Saturday, December 21, 2024

In-naħla Maltija ddikjarata insett nazzjonali

Aqra wkoll

Malta uffiċjalment iddikjarat in-naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri) bħala insett nazzjonali tal-pajjiż, u b’hekk tingħaqad ma’ ħames speċi nazzjonali oħra.

Din in-naħla evolviet b’mod iżolat fil-Gżejjer Maltin u hija perfettament addattata għas-sjuf sħan u xotti ta’ pajjiżna.

In-naħal għandhom rwol kruċjali fl-agrikoltura u l-bijodiversità, billi jipprovdu servizzi essenzjali bħall-pollinazzjoni u l-produzzjoni ta’ prodotti bħal-għasel, ix-xema’ u prodotti oħra.

B’din id-dikjarazzjoni ġdida, in-naħla Maltija se tibbenefika minn aktar protezzjoni legali u ser jissaħħaħ l-għarfien pubbliku dwar l-importanza tagħha fil-pollinazzjoni u s-saħħa ambjentali.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, qalet “Din id-dikjarazzjoni hija mument ta’ kburija u sodisfazzjon għal Malta. In-naħla Maltija hija simbolu tal-wirt naturali tagħna u għandha rwol prinċipali fis-sostenn tal-ambjent ta’ madwarna kif ukoll tal-agrikoltura tagħna.”

Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo stqarr li dan huwa tragward ieħor li jikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern fil-preservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi lokali u l-valorizzazzjoni tal-prodotti agrikoli.

Dan it-tragward huwa parti mill-isforzi kontinwi tal-Ministeri u tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex tippromwovi l-monitoraġġ u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, inklużi inizjattivi bħall-Iskema ta’ Monitoraġġ tal-Pollinaturi ta’ Malta, appoġġjata minn voluntiera u ċittadini xjentisti.

Ekonomija

Sport