Thursday, February 6, 2025

“In-nies qed jilqgħu l-kunċett tal-community policing” – l-Ispettur Mark Cremona

Aqra wkoll

Ilu Pulizija 20 sena. Daħal meta kellu 18-il sena u kien relattivament żgħir. Bħala persuna minn dejjem iħobb jgħin lin-nies u jaħseb li l-Korp tal-Pulizija huwa post fejn jista’ jgħin lin-nies. Dan il-ġurnal tkellem mal-Ispettur Mark Cremona nnifsu, fejn tana iktar dettalji rigward ix-xogħol ta’ Pulizija fil-Komunità..
 
Għaliex għażilt li ssir proprju Pulizija fil-Komunità?

Jien ħdimt f’postijiet differenti. Bdejt l-għassa tal-Ħamrun fejn hemmhekk għamilt tmien xhur. Ftit wara ġietni l-opportunitá u ċċaqlaqt fis-sezzjoni dak iż-żmien tal-‘Mobile’ li llum hija l-‘RIU’. Hemmhekk għamilt kważi tmien snin fejn saħansitra kont ‘security’ mal-ambaxxatrici Amerikana għal ftit żmien. Fis-sena 2014 iċċaqlaqt l-għassa ta’ San Ġiljan fejn hemmhekk ilħaqt anke Surgent. Fl-2019 fetħet is-sezzjoni tal-Pulizija tal-Komunitá fejn ġejt imħajjar napplika. Minn hemmhekk ilħaqt spettur u bqajt fl-istess sezzjoni din id-darba b’aktar responsabbiltajiet u għalhekk bħalissa nieħu ħsieb in-naħa t’isfel ta’ Malta. Illum ma nagħżel imkien u dan għaliex f’din is-sezzjoni tista’ taħdem b’mod komdu u tippjana dak li tixtieq inti b’mod pro-attiv.  

X’inhuma r-responsabbiltajiiet tiegħek f’dan l-irwol?

Community Policing hija sezzjoni pro-attiva u cioé li tagħmel hu li tippjana minn qabel sabeix tipprevjeni reati u problemi li jaffettwaw l-komunitá b’mod dirett. Li nagħmel huwa li nippjanaw azzjonijiet pro-attiivi skont dak li jkun qed jaffettwa lill-komunità. Naħdmu hafna ma’ ‘stakeholders’ differenti u għalhekk ninvolvu lil dawn l-entitajiet biex nipprevjenu reati. Nikkordina operazzjonijiet li jsiru fil-lokalitajiet kif ukoll it-tqassim tan-nies skont ir-reati li jkunu preżenti fil-lokalitajiet tagħna. Nikkordinaw ir-rondi wkoll skont kif jirrikjedi x-xogħol.
 
Kif jilqgħukom in-nies hemm barra?

Jidher li n-nies jieħdu gost b’dan il-kunċett anke minħabba l-komunikazzjoni li noħolqu man-nies. In-nies fil-verità jieħdu gost bil-preżenza tal-Pulizija u għalhekk aħna qed noffru dan is-servizz u fl-istess ħin insolvu l-problemi li jaffettwaw lin-nies b’mod dirett. Addizjonalment il-Kunsilli Lokali sabu link dirett mal-Pulizija u dan qed juri f’sodisfazzjon fis-servizz tagħna. Dan juri wkoll mill-aħħar ‘EU barometer survey’ fejn il-korp ikklassifika fuq quddiem fejn tidħol fiduċja.
 
Intom li tant tkunu viċin tan-nies, kif tarawha is-soċjetà Maltija hemm barra u kif inbidlet tul is-snin?

Is-soċjetà Maltija nbidlet ħafna u qed naraw il-bżonn li naħdmu ħafna aktar maż-żgħażagħ u huwa għalhekk li flimkien mad-direttorat għall-kura alternattiva qed nippjanaw proġett li se jara l-korp tal-Pulizija jaħdem b’mod dirett ma’ din l-entità sabiex nipprevjenu l-kriminalitá fl-adoloxxenza. Nemmnu ħafna f’soċjetà sigura u għalhekk ninsabu kommessi li nżommu l-kuntatt man-nies sabiex nibnu relazzjoni u fl-istess ħin insolvu ‘issues’ li jaffettwaw lin-nies b’mod dirett.
 
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq isir Pulizija.

Il-korp huwa post fejn tista’ timraħ u tikber. Għalhekk inħajjar dejjem liż-żgħażagħ sabiex jidħlu Pulizija fejn hem opportunità li tikber, kif ukoll tgħin lin-nies b’mod dirett!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport