Tuesday, May 14, 2024

“In-nisa kapaċi jgħinu lil ħaddieħor u jkunu ta’ kontribut sabiex is-soċjetà inġenerali tkun aktar ġusta”

Maria Formosa – Rebbieħa tal-unur ‘Mvintage Il-Mara tas-Sena’

Aqra wkoll

Maria Formosa rebħet l-ewwel edizzjoni tal-premju prestiġjuż “Il-Mara tas-Sena”, li ġie mniedi mill-kumpanija Mvintage. Din kienet l-ewwel darba li l-kumpanija nediet dan il-premju filwaqt li jikkontribwixxu għall-ġid tas-soċjeta’.

Maria hi ferm magħrufa f’Malta hekk kif hi l-mara ta’ Bjorn Formosa li kif nafu qed jaħdem ħafna sabiex jgħin min bħalu jbati mill-kundizzjoni tal-ALS. Ħafna jammiraw l-umilta’ ta’ din il-mara, l-imħabba li għandha lejn Bjorn li tindukrah bl-aħjar mod possibbli iżda anke l-ħeġġa għax-xogħol f’Dar Bjorn sabiex il-pazjenti li huma residenti hemm jirċievu l-għajnuna meħtieġa.

Fuq il-profil soċjali tagħha fuq Facebook, Maria qalet li tiddedika dan il-premju lil dawk in-nisa kollha li kontinwament iħobbu u joffru l-appoġġ tagħhom lil dawk għeżież għalihom.

Hi sostniet li hija onorata u rringrazzjat lil dawk kollha li kontinwament juru l-imħabba u l-appoġġ magħha.

Talk.mt tkellem ma’ Maria Formosa fejn tatna l-ħsibijiet tagħha dwar il-ħidma tagħha u anke xi affarijiet oħra ferm importanti. 

Saqsejniha domanda speċifika. Min hi eżattament Maria Formosa?

“Maria Formosa hi mara sempliċi, persuna normali, il-mara ta’ Bjorn Formosa li kulħadd jaf min hu iżda wkoll waħda li tħobb ħafna l-familja u l-ġabra. Infittex ħafna l-affarijiet sempliċi filwaqt li nħobb ngħin bħala karattru.”

Maria temmen ħafna fil-bżulija u hi stess tħabrek ħafna sabiex tara li tgħin lil Bjorn li dejjem joħroġ b’idea ġdida biex ikompli jagħmel il-ġid fost il-pazjenti l-aktar vulnerabbli. Maria tant hi bieżla li anke fil-ġurnata t’għeluq sninha ddeċidiet li taħdem u għamlitu jum bħall-oħrajn.

X’ifisser għaliha dan il-premju li rebħet?

‘Żgur li ninsab ferm kuntenta b’dan il-premju li rbaħt għax Mvintage irrikonoxxew ix-xogħol li nagħmel fil-komunita’ Maltija flimkien ma’ żewġi Bjorn.”

“Madankollu kif għedt aktar qabel fil-bidu ta’ din l-intervista, nixtieq niddedika dan l-unur lil dawk in-nisa li mhumiex famużi, ftit huma magħrufa u li jieħdu ħsieb xi familjari li għandhom xi mard jew kundizzjoni. Dawn in-nisa ħaqqhom kull tifħir għax huma persuni ta’ kuraġġ u reżiljenza enormi. Dawn huma l-eroj u l-qaddisin tal-lum il-ġurnata.”

Maria Formosa qalet li l-proġett futur tagħha u ta’ żewġha Bjorn hu proprju li jaħdmu dejjem iktar sabiex Dar Bjorn Repsite Centre ikompli jinbena u eventwalment jagħti kenn u sapport lil dawk il-pazjenti li għandhom bżonn xi servizzi partikolari. Hi rreferiet għal dawk li għandhom kundizzjonijiet newroloġiċi u li l-familjari tagħhom jistgħu jkollhom s-solliev neċessarju li dawk l-aktar għal qalbhom ikunu ndukrati bl-aqwa mod possibbli. 

“Is-sens ta’ sodisfazzjon li jsegwi meta tara l-marid jitbissem, il-familjari kuntenti li sabu l-għajnuna u r-ringrazzjamenti wara mingħand persuni ġenwini hu wisq kbir. Dan jiżboq bil-bosta dawk il-mumenti ta’ tbatija li kulħadd jgħaddi minnhom iżda li kapaċi noħorġu rebbieħa minħabbba dan il-kuraġġ li għandhom dawn l-individwi.”

Iżda kemm hu kruċjali r-rwol tan-nisa fis-soċjetà tal-lum?

“In-nisa għandhom rwol fundamentali llum il-ġurnata għax jikkontribwixxu ferm sabiex apparti li tikber aktar l-ugwaljanza u l-emanċipazzjoni, huma qed jaqdu diversi rwoli importanti.”

Finalment Maria Formosa xtaqet twassal messaġġ lil dawk in-nisa kollha li jiltaqgħu ma’ diversi sitwazzjonijiet diffiċli iżda li kapaċi jissieltu mal-għawġ tal-ħajja.

“Ovvjament jien nemmen ħafna fin-nisa u s-sehem tagħhom fis-soċjeta’ Maltija. In-nisa kif għedt aktar qabel huma kuraġġużi, ma jaqtgħux qalbhom u kapaċi jegħlbu kull ostaklu.”

“In-nisa kapaċi jgħinu lil ħaddieħor u jkunu ta’ kontribut sabiex is-soċjeta inġenerali tkun aktar ġusta.”

Sport