Saturday, November 23, 2024

In-nisa mħeġġa jagħmlu suċċess minn karriera fin-negozju

Aqra wkoll

Talk.mt f’intervista ma’ Andrea Cassar, li ġiet ippremjata fis-settur tan-negozju

Andrea Cassar hi produttriċi ta’ diversi programmi filwaqt li hi wkoll preżentattriċi tal-programm tant popolari Liquorish. Barra minn hekk hi tokkupa l-kariga ta’ kap eżekuttiv ta’ Cassar Marine Group, rwol li hu għal qalbha ħafna. Andrea hi omm ta’ żewġt itfal u f’dawn l-aħħar snin ħadmet qatigħ sabiex tikseb suċċess fin-negozju li tmexxi. Dan deher riċentement hekk kif ġiet rikonoxxuta fil-Malta Business Awards fejn hi rebħet dan l-unur prestiġġjuż.

Din il-gazzetta ltaqgħet ma’ Andrea Cassar fejn laqgħetna bl-aqwa mod possibbli filwaqt li wieġbet għall-mistoqsijiet li ħejjejnielha. Cassar bdiet biex tgħid li ma kinitx qed tistenna dan l-unur.

“Lanqas nista’ nemmen li ksibt dan l-unur, aktar u aktar meta jien inħobb naħdem fis-silenzju mingħajr ħafna daqq tat-trombi. Madankollu napprezza dan ir-rikonoxximent li jġiegħlni naħdem aktar sabiex nilħaq il-miri tiegħi.”

Kif tgħid Andrea, hi bdiet fin-negozju kumbinazzjoni u temmen ukoll li kellha xortiha tajba. Tiftakar li kienet bdiet fuq it-televiżjoni u minn hemm ‘il quddiem qatt ma ħarset lura bil-ħolma ewlenija tagħha dejjem baqgħet dik li jkollha negozju għal rasha. Hi xtaqet issemmi lill-familja tagħha li dejjem tawha kuraġġ sabiex tagħmel dan il-pass anke għax hi trabbiet f’dan l-ambjent.

“Jien bniedma ambizzjuża u għalhekk ridt li jekk naqbad negozju għal rasi, nagħmel kollox b’mod professjonali għax jekk tkun se tagħmel xi ħaġa, trid tkun sew mhux nofs kedda. Dħalt fis-shipyard fejn diġà sibt struttura soda mill-familja tiegħi u għalhekk ridt inkompli dak li għamlu tant tajjeb huma. Illum dan u aktar saru parti mill-ħajja tiegħi.”

Saqsejna lil Andrea min kien dak il-bniedem jew dik il-ħaġa li xprunatha sabiex kisbet dan is-suċċess kollu. Hawnhekk hi ħassitha onorata li ntużat il-kelma suċċess għax għaliha dan hu terminu kbir wisq. Bla dubju li l-familja hi kkunsidrata bħala xprun sabiex illum il-ġurnata waslet f’dan l-istadju. Fuq kollox, ir-raġel tagħha jgħinha ħafna sabiex tkun tista’ tlaħħaq mal-ġurnata tant mimlija tagħha. Għalhekk hi tgħid li jkollha eċitament kbir meta tkun se toħloq xi ħaġa ġdida. Eżempju ta’ dan kollu hu l-fatt li issa se tkun qed tiftaħ ħanut żgħir tal-merċa fil-Birgu fejn minkejja li m’hemm xejn ta’ barra minn hawn f’din il-ħaġa, għaliha hi xi ħaġa kbira u tara li kollox ikun kif suppost.

Hi tagħti wkoll parir li min għadu jibda fid-dinja tan-negozju sabiex ma jitlifx kull opportunita’ li tiġih għax kapaċi ma terġax titfaċċalek.

“Minkejja kollox, in-negozju mhux faċli, jaf ikun hemm xi ħaġa li kapaċi tmurlek żmerċ bil-persistenza tista’ tqum u tkompli.”

Iżda kif tkun il-ġurnata tipika ta’ Andrea Cassar?

“Inqum filgħodu kmieni, nipprepara l-kolazzjon u l-lunch tat-tfal u mingħajr telf ta’ żmien inwassalhom l-iskola. Wara li jispiċċaw, nerġa’ ngħaddi għalihom u jiġu fl-uffiċċju tiegħi fejn hemmhekk jagħmlu x-xogħol tad-dar u dak li tkun tathom l-għalliema. Dejjem hekk rabbejt lit-tfal tiegħi u naħseb issa draw din ir-rutina.”
“Barra minn hekk it-tfal tiegħi jitħarrġu fil-ġinnastika u għalhekk jibda l-ġenn fejn anke hawn irrid inwassalhom għall-post fejn jitħarrġu u naċċertak li mhux xi ħaġa faċli.”

Andrea tammetti li mhux faċli tlaħħaq mal-ħajja tagħha u dik professjonali. Hi ammetiet li ġieli tkun qed tagħmel żewġ affarijiet f’daqqa biex verament tlaħħaq mal-programm vast li jkollha. Eżempju ta’ dan hu meta jkollha xi laqgħa online u fl-istess ħin tkun qed twieġeb l-emails li tirċievi. Madankollu bis-saħħa tal-istruttura li għandha u li tippjana kollox, dejjem laħqet.

Cassar hi tal-fehma li n-nisa kapaċi jirnexxu fid-dinja tax-xogħol u n-negozju ġaladarba jkun hemm struttura u ppjanar sew filwaqt li jkollha s-sapport min-naħa tal-familja. L-għajnuna għandha tikber iktar ġaladarba omm li għandha karriera jkollha t-tfal. Minkejja li din mhux faċli, bil-perseveranza kollox jista’ jseħħ għax kif tgħid hi, in-nisa jissieltu mal-ħajja u kapaċi jirnexxu sforz id-determinazzjoni li għandhom.

Bħala sidt ta’ negozju, Cassar għandha responsabbiltajiet kbar għalkemm oħtha wkoll hi parti mit-tim tal-amministrazzjoni tal-kumpanija. Hi tgħid li importanti li tiddelega x-xogħol għax inkella jkun diffiċli li tlaħħaq ma’ kollox. L-importanti hu li n-nies li jkunu fl-amministrazzjoni, jkunu kapaċi jieħdu deċiżjonijiet għalkemm hi m’għandhiex minn xiex tgerger għax għandha nies fi ħdanha li huma kapaċi.

Semmejna ma’ Andrea s-suċċess li kiseb il-programm Liquorish matul is-snin. Hi qalet li llum il-ġurnata dan hu kunċett li jmur lil hinn minn sempliċi programm fuq it-televiżjoni.

“Illum il-ġurnata, Liquorish hu involut ukoll f’diversi produzzjonijiet tant li għandna negozju fid-drones li ħafna minnhom huma uniċi f’Malta. Liquorish kiber ferm minn sempliċi idea kreattiva għax konna kapaċi nsostnuh sew u issa qed nara r-riżultati.”

Andrea qalet li minkejja kollox, hi dejjem żammet saqajha mal-art filwaqt li s-suċċess ma tantx għamel biha. Hi sostniet li dejjem telgħet tarġa tarġa lejn din it-triq għax xejn ma jsir ta’ xejn.

“Minkejja kollox, inħoss li kont ixxurtjata li wasalt fejn wasalt għax għaraft nieħu l-opportunitajiet li ġewni fil-post u l-ħin it-tajjeb. Ċertament li qatt ma stajt nimmaġina li nkabbar daqshekk u llum il-ġurnata nirringrazzja lil dawk kollha li kienu parti minn dan is-suċċess.”

Wieħed jinnota li l-komunità tan-negozju hi ddominata mid-dinja maskili. Iżda skont Andrea, l-irġiel għadhom jiddiskriminaw kontra n-nisa fid-dinja tan-negozju?

“Jien ma naħsibx li jiddiskriminaw għax illum il-ġurnata kulħadd sar jaħdem b’mod professjonali rrispettivament jekk intix mara jew raġel. Anzi jien naraha li fil-maġġor parti sar ikun hemm rispett reċiproku bejn il-kollegi.”

Saqsejna lil Andrea kif rrispondew il-kompetituri tagħha għall-bejgħ li bdiet tagħmel. Hi mal-ewwel għamlitha ċara li personalment ma trid tweġġa’ lil ħadd u dejjem ħarset lejn il-livell għoli li trid iżżomm il-kumpanija tagħha aktar milli x’jagħmel ħaddieħor. Għalhekk hi iktar tikkonċentra fuq ix-xogħol tagħha sabiex dejjem ittejjeb fuq l-element pożittiv li hemm.

Bla dubju li l-COVID-19 affettwat sew kull tip ta’ negozju. Andrea ammettiet dan kollu għalkemm semmiet ukoll l-element ta’ għaqal li kull kumpanija għandu jkollha sabiex meta jitfaċċa l-maltemp, wieħed ikun lest għalih. Hi rringrazzjat ukoll lill-istaff li għandha li baqgħu reżiljenti minkejja t-theddida ekonomika li din il-pandemija ġabet magħha.

Hekk kif il-kumpanija tagħha għandha diversi fergħat f’Malta, saqsejna lil Andrea sabiex tgħidilna kif jirnexxielha tmexxi lill-impjegati kollha tagħha.

“Kif għedtlek aktar qabel, jien sirt naqsam ix-xogħol u nafda f’nies ta’ fiduċja u għalhekk għandi moħħi mistrieħ li kull fergħa li għandha l-kumpanija qed titmexxa bl-aktar mod professjonali. Min-naħa tiegħi, għandi relazzjoni tajba mad-diretturi u l-amministraturi li jaħdmu miegħi.”

Saqsejna lil Andrea dwar x’inhuma l-pjanijiet tagħha għall-futur. Hi kompliet ma’ dak li qalet qabel fejn jekk tiġiha opportunita’ tajba, lesta li toħodha għax forsi taf ma terġax tiġi.

U x’inhu l-messaġġ li hi tgħaddi lil dawk in-nisa li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fin-negozju? “Ngħidilhom biex jagħmlu dan il-pass li għalkemm għall-bidu jidher kuraġġuż, iżda jekk taħdem għalih se tkun qed tieħu r-riżultat tiegħu.”

Sport