Thursday, December 26, 2024

Inawgurat iċ-ċentru terapewtiku għall-adoloxxenti Tal-Ibwar

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ġie inawgurat uffiċjalment iċ-ċentru terapewtiku għall-adoloxxenti tal-Ibwar fis-Siġġiewi b’investiment ta’ €4 miljun. Dan iċ-ċentru joffri programmi residenzjali u ta’ matul il-jum għall-adoloxxenti ta’ bejn it-12 u s-17-il sena li jabbużaw minn sustanzi lleċti. 

Dan se jkun l-ewwel ċentru tat-tip tiegħu fil-pajjiż u se jilqa’ ‘l fuq minn 20 persuna u jitmexxa mill-Caritas fejn se jkunu qed jingħataw servizzi psikoloġiċi u soċjali kemm mar-residenti u anke mal-familji tagħhom. 

Tal-Ibwar joffri residenza mdawra b’art agrikola biex tingħata terapija ħolistika lill-adoloxxenti. Il-programm offrut jindirizza l-għeruq tal-problema bl-għan li jgħin iż-żgħażagħ jieħdu l-aqwa deċiżjonijiet fil-ħajja tagħhom. 

Għall-operat ta’ dan iċ-ċentru, il-Gvern qiegħed jalloka miljun ewro fis-sena. Dan iċ-ċentru huwa wieħed innovattiv b’faċilitajiet moderni speċjalment dawk sportivi, akkademiċi u ta’ snajja.

Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-ċentru mhuwiex il-punt tal-wasla iżda l-punt tat-tluq. Qal li l-punt tal-wasla jkun meta żagħżugħ/a li jtemm b’suċċess wieħed mit-tliet programmi offruti f’dan iċ-ċentru.

“Il-vizzji ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. B’dan iċ-ċentru mhux se nkunu qed inħallu snin igerrbu qabel ma tingħata l-ewwel għajnuna. L-early intervention se tkun iċ-ċavetta għas-suċċess ta’ dan il-proġett,” qal il-Prim Ministru. 

“Nemmen li dak li qed ninawguraw illum huwa wieħed mill-aktar proġett soċjali ta’ importanza. Għax id-differenza li nistgħu nagħmlu fil-ħajja ta’ kull persuna li tirfes hawn hi waħda kbira. Huwa proġett li jixhed ir-ruħ soċjali kbira ta’ dan il-Gvern fejn ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura.”

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li din l-okkażjoni hi waħda speċjali u hi turija tal-impenn qawwi li fil-qasam soċjali hemm post għal kulħadd.

Huwa qal li d-droga mhijiex is-soluzzjoni iżda hi l-problema u għalhekk l-iktar ħaġa importanti hi li jkollok il-kuraġġ li taffaċċja din il-problema. Qal li tfittex l-għajnuna, anke f’ċirkostanzi bħal dawn, mhijiex dgħufija imma tfisser li għandek kuraġġ.

“Qed inħarsu li nkunu hemm u nagħtu t-tieni ċans. U rridu wkoll ma niġġudikawx,” qal il-Ministru Falzon. 

YouTube video

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt iddeskriva l-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-ċentru bħala mument storiku li l-vjaġġ tiegħu beda lura fl-2016 meta l-Caritas ġiet avviċinata mill-Ministeru tal-Familja biex nagħmlu ċentru speċjalizzat għaż-żgħazagħ bi problemi ta’ sustanzi.

Huwa qal li fil-preżent qiegħda ssir ħidma ma’ 20 żagħżugħ, 15 minnhom subien u ħamsa oħra bniet. Apparti minn hekk qed issir ħidma intensiva ma’ tmien adoloxxenti oħra biex huma wkoll jidħlu fi programm residenzjali.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna li  rringrazzja lill-Istat li meta ra l-bżonn li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom faċilità biex ikunu jistgħu jerġgħu jqumu fuq saqajhom, iddeċieda li jinvesti u jinvesti bil-kbir.

Huwa rringrazzja lill-Istat ukoll talli afda lil Caritas li mhux biss toħlom imma li tfittex il-kompetenza meħtieġa biex dan il-post ikun ambjent ta’ suċċess b’risq iż-żgħażagħ tagħna.

Ekonomija

Sport