Saturday, November 23, 2024

Inizjattiva Maltija fuq ir-reżiljenza dwar il-klima ppreżentata waqt il-COP29 f’Baku

Aqra wkoll

Id-delegazzjoni Maltija għall-COP29 f’Baku, immexxija mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien mal-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Azzjoni dwar il-Klima Prof. Simone Borg, ippreżentat ir-riżultati ta’ inizjattiva Maltija li tkejjel l-indiċi tal-vulnerabbiltà u r-reżiljenza għall-klima ta’ dawk magħrufa bħala Small Island Developing States (SIDS).

Din l-inizjattiva hija mmexxija mill-Gvern ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Istitut għall-Gżejjer u l-Istati Żgħar fl-Università ta’ Malta u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew, u tal-Paċifiku. Dawn l-indiċi jipprovdu qafas komprensiv li bihom jiġu evalwati r-riskji tal-klima u r-reżiljenza globalment.

Waqt il-preżentazzjoni ta’ dawn ir-riżultati, il-Ministru Dalli stqarret: “L-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw huma fost l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima. Id-dipendenza kbira fuq ekonomiji kostali, flimkien mat-theddida taż-żieda fil-livelli tal-baħar, jimbuttaw il-ħtieġa urġenti għal strateġiji ta’ adattament effettivi. L-indiċi tal-vulnerabbiltà u r-reżiljenza għall-klima huwa pass importanti biex jgħinna nilħqu dan l-għan.”

Il-Ministru Dalli żiedet li: “L-adattament huwa opportunità għall-innovazzjoni, il-kollaborazzjoni, u soluzzjonijiet proattivi. Dawn l-indiċi jagħtu s-setgħa lill-pajjiżi biex l-istrateġiji tagħhom ikunu influwenzati mill-aqwa prattiċi internazzjonali, filwaqt li jagħtu prijorità lill-aktar vulnerabbiltajiet urġenti tagħhom.”

Waqt is-sessjoni Maltija bit-titlu ‘Fostering Climate Adaptation and Resilience in Small States and Beyond’, id-Direttur tal-Istitut tal-Gżejjer u Stati Żgħar fl-Università ta’ Malta, il-Prof. Stefano Moncada ppreżenta fid-dettal ir-riżultati ta’ dan l-indiċi. Huwa spjega kif dawn l-indiċi jintroduċu metriċi standardizzati biex jgħinu fit-tfassil ta’ politika, u tgħin lill-pajjiżi jissorveljaw u jqabblu b’mod sistematiku l-progress tagħhom fit-tisħiħ tar-reżiljenza u biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet għall-klima.

Min-naħa tagħha, il-Prof. Simone Borg qalet, “L-indiċi tal-vulnerabbiltà u r-reżiljenza għall-klima huwa eżempju ċar tal-impenn ta’ Malta lejn kollaborazzjoni globali. Din l-inizjattiva tiggwida l-politika u tmexxi rispons klimatiku ġust u sostenibbli għall-pajjiżi l-aktar vulnerabbli.”

L-attivitajiet li ħadet sehem fihom il-Ministru fil-COP29 enfasizzaw it-tmexxija ta’ Malta fil-qasam tar-reżiljenza klimatika. F’sessjonijiet varji, il-Ministru Dalli indirizzat suġġetti li jvarjaw mill-adattament klimatiku sal-ekonomija blu, għall-impenn lejn kooperazzjoni globali u politika klimatika sostenibbli.

Il-COP29, li qed isir f’Baku, laqqa’ flimkien mexxejja dinjija, esperti fil-klima, u attivisti, biex jindirizzaw l-aktar sfidi urġenti marbuta mat-tibdil fil-klima. Din il-konferenza tenfasizza l-ħtieġa urġenti għal miżuri trasformattivi li jnaqqsu l-emissjonijiet, isaħħu r-reżiljenza, u jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport