Sunday, December 22, 2024

“Insaħħu dak li hemm illum u nerġgħu nibnu dak li seta’ ntilef matul is-snin”

- il-Ministru Clifton Grima jikellem dwar l-importanza tat-taħriġ fis-snajja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Wegħda fil-manifest elettorali tħares lejn l-isnajja. Snajja li huma importanti ħafna u li rridu naraw li jerġgħu jiġu introdotti. Għalhekk qegħdin naħdmu biex fil-livell post-sekondarju noffru t-taħriġ f’dawn is-snajja”.

Qal dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima f’kummenti li għadda lil dan is-sit fejn tkellem dwar il-bżonn li nsaħħu dak li hemm illum u nerġgħu nibnu dak li matul is-snin jista’ jkun li ntilef. 

Il-Ministru Grima beda biex semma li għaddejja ħidma mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet għal aktar viżibilità ta’ fejn irridu mmorru bħala pajjiż, viżibilità li tkun hemm għall-istudenti li qegħdin jagħżlu l-ħiliet li qed jitħarrġu fihom.

Huwa saħaq li għandhom jingħataw opportunitajiet lill-istudenti anke fil-livell sekondarju, biex filwaqt li jimxu mal-kurrikulu nazzjonali, jieħdu l-ewwel esperjenza marbuta ma’ dawn l-isnajja. 

“Imbagħad dik l-esperjenza jkomplu jamplifikawha u jieħdu ċertifikati fiha anke fil-livell post-sekondarju,” qal il-Ministru Grima. “Ma rridux niddejqu ngħidu dawn huma l-opportunitajiet għat-tfal tagħna u nimxu fuq dawn l-opportunitajiet.”

Sadanittant, bl-edukazzjoni ma nifhmux biss ‘schooling’ imma wkoll żvilupp tal-personalità tal-istudent. Mistoqsi dwar dan, il-Ministru rrefera għall-istrateġija ġdida dwar l-edukazzjoni li tpoġġi lill-istudent fiċ-ċentru, li tgħin biex ikun hemm aktar ħiliet u b’hekk jgħix ħajtu b’mod dinjituż. 

Huwa qal li “rridu li naraw lill-istudent fiċ-ċentru tas-sistema edukattiva. Strateġija li tħares lejn il-benesseri tiegħu u rridu naraw li l-istudent jifhem li hemm l-isfidi u dawk l-isfidi jrid ikun kapaċi jibdilhom f’opportunitajiet.”

“Nifhmu li l-istudenti mhumiex biss il-futur imma parti importanti ħafna mill-preżent tal-pajjiż u allura qegħdin nagħmlu investiment bla preċedent fis-settur edukattiv biex dawn l-istudenti jieħdu dak kollu neċessarju,” temm jgħid il-Ministru Grima.

Ekonomija

Sport