Friday, May 3, 2024

INTAFFU L-PROBLEMA TAT-TRAFFIKU

Aqra wkoll

Hekk kif l-ewwel studenti bdew jirritornaw lura lejn il-bankijiet tal-iskola għal sena skolastika ġdida, bosta kienu dawk li tħassbu dwar jekk din is-sena skolastika hix se ġġib magħha konġestjonijiet kbar ta’ traffiku li jistaġnaw il-pajjiż f’ċertu ħinijiet tal-ġurnata. 

Nilqgħu b’sodisfazzjon il-fatt li Transport Malta tinsab konxja dwar il-problema tat-traffiku. U għalhekk hi mistennija li ddaħħal miżuri biex tittaffa kemm jista’ jkun din il-problema, għaliex li tkun konxju biss mhix biżżejjed biex issolvi l-problema.

Is-servizz ta’ tow truck mingħajr ħlas għaċ-ċittadin matul l-aktar sigħat traffikużi fit-toroq ta’ pajjiżna jgħinu biex jonqsu konġestjonijiet ta’ traffiku li jinħolqu bla bżonn u minħabba sitwazzjonijiet pjuttost komuni li jistgħu jinqalgħu lil kulħadd u li fl-istess waqt mhux kulħadd kapaċi jikkontrolla bl-istess mod.

Li karozza, ġdida kemm hi ġdida, tiżviluppa ħsara waqt is-sewqan mhix xi ħaġa straordinarja u dawn il-każi ġieli jseħħu fejn l-inqas ikunu mistennija, f’toroq arterjali li tkun diffiċli biex din il-karozza tinqabeż minħabba nuqqas ta’ wisgħa jew karreġġjati singoli. 

Rigward iż-żieda fl-uffiċjali hemm opinjonijiet varji u sfortunatament hemm min jissotovaluta l-ħidma tagħhom f’diversi elementi bħalma huma xemx tiżreġ, xita u riħ. 

Nemmnu li dawn l-uffiċjali li se jkunu qegħdin jiżdiedu matul il-ħinijiet tal-ftuħ u l-għeluq tal-iskejjel għandhom ikunu iżjed rispettati iżda fl-istess waqt għandhom responsabbiltà tqila xi jġorru fuq spallithom minħabba l-frustrazzjoni li taħkem fuq xi sewwieqa li jinqabdu f’ħinijiet twal fit-traffiku. 

Nemmnu li waħda mis-soluzzjonijiet biex dawn l-uffiċjali jkunu effettivi huwa li jkollhom kontroll assolut fuq is-sistema tat-traffic lights f’ċertu żoni fejn jinġemgħu ħafna karozzi. Matul dawn l-aħħar snin rajna investimenti infrastrutturali ta’ miljuni ta’ ewro li wasslu biex ġew imwarrba numru ta’ traffic lights li kienu assoċjati ma’ serbut wara l-ieħor ta’ karozzi jistennew id-dwal jaqilbu fuq l-aħdar. Ma’ dawn ukoll rajna twessiegħ u tiswijiet ta’ toroq. 

F’żoni fejn dawn għadhom jiffunzjonaw, uffiċjali jistgħu jkunu f’kontroll tas-sistema u jaqilbu huma d-dwal skont it-traffiku biex f’naħat li ma jkunx hemm karozzi miġmugħin, id-dawl aħdar ma jdumx biex jaqleb fuq naħat oħrajn li jistgħu jkunu staġnati b’serbut lil hinn milli bilanċjat ta’ karozzi jistennew.

Iżda fuq kollox nemmnu li l-koperazzjoni tal-pubbliku hija fundamentali u jkun inutli li l-awtoritajiet joffru fuq platt numru ta’ servizzi, ħafna minnhom bla ħlas, jekk il-pubbliku jagħżel li jinjorahom. 

Is-sena li għaddiet, is-servizz tat-trasport bla ħlas għall-istudenti seta’ ħa daqqa ta’ ħarta minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19, iżda l-kumdità ġġib magħha skumdità. 

Minkejja li l-gvern investa f’dan is-servizz biex iħalli iżjed flus fil-but tal-familji u jnaqqas il-konġestjoni mit-toroq, xorta waħda għad hemm ġenituri li jagħżlu li jużaw it-trasport privat tagħhom biex iwasslu lill-uliedhom lejn l-iskola.

Waħda milll-miżuri biex tittaffa din il-problema hi l-introduzzjoni ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd mill-1 ta’ xahar id-dieħel. Dan għandu jwassal biex aktar nies jużaw it-trasport pubbliku jekk is-servizz jitjieb u jkun puntwali. 

Jekk innaqqsu l-egoiżmu tal-mentalità tal-aqwa li moqdi jien, nemmnu li s-soċjetà tista’ tkun waħda ferm aħjar u mhux biss innaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku, iżda nnaqqsu wkoll it-tniġġiż fl-arja li hija problema oħra li fuq livell globali qiegħda tħalli effetti varji anke fuq pajjiżna. 

Sport