Monday, January 6, 2025

Intom tajtu sinjal ta’ mħabba lil xulxin – l-Arċisqof

Quddiesa għall-koppji li żżewġu fl-2024

Aqra wkoll

Is-Sibt filgħaxija, l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna ċċelebra quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann li għaliha kienu mistednin il-koppji li ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ fl-2024.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof feraħ lil dawn il-koppji u awguralhom tal-għażla li jbierku ż-żwieġ tagħhom bis-sagrament is-sena li għaddiet. Qal li bis-sagrament li rċevew, il-Mulej se jagħmel minnhom ilkoll dawl għall-ġnus.

“F’dinja għatxana għat-tama, intom l-għeżież li għażiltu li timpenjaw ruħkom fit-triq tal-imħabba miżżewġa, intom sinjal ta’ tama. Is-sinjal ta’ tama li l-kelma ta’ min iżommha; u minkejja d-dgħufija tagħna, għandna rieda sħiħa li nżommuha. Intom tajtu kelma lil xulxin, li tkunu fidili għal xulxin, fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa tul ħajjitkom kollha. Intom tajtu sinjal ta’ mħabba lil xulxin,” qal l-Arċisqof.

“U meta tajtu ċ-ċurkett lil xulxin għedtu dawn il-kliem għeżież: “Ħu dan iċ-ċurkett, sinjal ta’ mħabbti u l-fedeltà tiegħi lejk. Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Il-kunsens li għamiltu hi l-kelma li tajtu.

“Intom tafu li l-kunsens kien it-tieġ, issa qegħdin tgħixu ż-żwieġ. It-tieġ jgħaddi, forsi l-kontijiet ma jgħaddux malajr, imma ż-żwieġ trid tgħixu kuljum. Hu wkoll għandu l-kont, il-kont miegħek innifsek; il-kont li jħabbat fuq l-egoiżmu ta’ kull wieħed u kull waħda minna, u jistedinna nagħtu ħajjitna; il-kont fuq in-nuqqas ta’ paċenzja tagħna, u jistedinna li nistabru b’xulxin,” kompla jgħid l-Arċisqof Scicluna.

Huwa temm jgħid: “forsi smajtuni nitlob, biex ma ngħidx nittallab u nitkarrab, biex f’Malta jkollna l-barka tal-ulied. Din it-talba nagħmilha lilkom ukoll; imma nirrispetta d-deċiżjonijiet tagħkom. Itolbu għall-barka tal-ulied, biex meta l-Mulej, fil-ħniena tiegħu jżejjinkom bl-ulied, jimliekom ukoll bil-ferħ. Imma jiena nawguralkom ukoll ħajja twila flimkien. Tinsewx li l-Mulej ma jqarraqx bina, ma jingannaniex, se jgħinkom tgħixu l-fedeltà għal xulxin.”

Wara l-quddiesa, l-Arċisqof iltaqa’ personalment mal-koppji miżżewġa.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport