Tuesday, March 18, 2025

Investiment ta’ miljun ewro għar-riċerka fil-kanċer: Imnedija t-tieni sejħa għall-Programm ta’ Riċerka dwar il-Kanċer

Aqra wkoll

Il-Cancer Research and Innovation Hub Malta (CRIHM) nediet uffiċjalment it-tieni sejħa għall-Programm ta’ Riċerka dwar il-Kanċer b’kollaborazzjoni ma’ Xjenza Malta. Is-CRIHM, fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, twaqqaf sabiex imexxi ’l quddiem sforzi nazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-kanċer.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-programm u s-sostenn li qed jingħata lir-riċerka. “Din is-sena, qed nirduppjaw l-investiment tagħna billi allokajna miljun ewro f’għotjiet għal proġetti innovattivi ta’ riċerka dwar il-kanċer. Din iż-żieda sinifikanti fil-finanzjament tenfasizza l-importanza kruċjali ta’ dan il-qasam u tirriafferma l-impenn tagħna li nappoġġjaw avvanzi xjentifiċi li jistgħu verament jibdlu l-ħajja tan-nies.”

Min-naħa tiegħu, il-Professur Christian Scerri, Chairman tal-CRIHM, spjega li dan il-programm mhuwiex biss investiment f’riċerka iżda wkoll f’innovazzjoni, kollaborazzjoni u tama. “Ir-riċerka dwar il-kanċer għandha s-setgħa li tibdel il-ħajjiet, u billi naħdmu flimkien mad-dixxiplini, l-istituzzjonijiet u s-setturi nistgħu naċċelleraw suċċessi li jiffurmaw il-futur tal-kura tal-kanċer. Din is-sejħa hija xhieda tal-impenn komuni tagħna biex nimxu ’l quddiem fix-xjenza għall-benefiċċju tal-pazjenti, il-familji u l-komunitajiet.”

Il-Programm ta’ Riċerka dwar il-Kanċer 2025 jifforma parti mill-portafoll ta’ Programmi Tematiċi li juża fondi nazzjonali amministrati mill-Unit tal-R&I fi Xjenza Malta. Il-programm huwa allinjat mal-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti dwar is-Saħħa u l-Benesseri u ECHoS – Horizon Europe Beating Cancer Mission, li għandha l-għan li tappoġġja r-riċerka li tista’ tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inċidenza tal-kanċer, it-titjib tat-trattamenti, iż-żieda fir-rati ta’ sopravivenza, u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti.

Din l-opportunità ta’ finanzjament hija miftuħa għal entitajiet akkademiċi, pubbliċi u privati. 

Biex jingħata aktar tagħrif dwar il-programm, se ssir sessjoni ta’ informazzjoni online nhar Il-Ġimgħa, 28 ta’ Marzu, 2025 bejn is-13:00pm u s-14:30pm. Kull min hu interessat, jista’ jirreġistra hawn: https://forms.gle/HVAJEvjAtfUJ8tM66. Din is-sessjoni se tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sejħa, il-kriterji ta’ eliġibbiltà, u l-proċess ta’ applikazzjoni. Għal aktar dettalji, żur: Open Funding Schemes – Xjenza Malta.

​​

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport