Sunday, November 24, 2024

Ippremjat għall-impenn tiegħu għas-sigurtà li testendi lil hinn minn mis-sigħat tax-xogħol

Aqra wkoll

Kif għażilt li tkun Pulizija?

Minn età żgħira xtaqt li nidħol fil-Korp tal-Pulizija. Fil-fatt meta kont għadni zghir li l-iskola kienu jistaqsuna x’tixtiequ ssiru meta nikbru,  ir-risposta tiegħi dejjem kienet li nixtieq nidħol fil-Korp tal-Pulizija.  Dan minħabba li xtaqt inkun ta’ għajnuna fis- soċjetà. Issa għalaqt 19-il sena fil-Korp tal-Pulizija u ma jiddispjacini xejn. Tul dawn is-snin kollha ksibt esperjenza kbira kemm bħala individwu, imma wkoll bħala membru tal-Korp tal-Pulizija.

X’jinvolvi eżattament ir-rwol tiegħek fil-Korp tal-Pulizija?

Jien nifforma parti mir-Rapid Intervention Unit, jew kif jafuha, l-RIU. Ilni ma’ din l-iskwadra kwazi mill-bidu nett meta kienet għadha l-Mobile Squad. Ir-rwol tiegħi huwa ta’ Patroling Officer fejn tista’ tghid ahna l-first responders fuq ħafna mill-każijiet li jsiru, kemm inċidenti tat-traffiku, kemm inċidenti oħrajn u anke serq eċċ. Xogħolna huwa dak li nipprevjenu r-reati billi nagħmlu rondi kontinwi fil-lokalitajiet u billi nuru l-preżenza tagħna fit-toroq.

X’tikkummenta fuq l-unur li rbaħt tal-Pulizija tas-Sena?

L-unur tal-Uffiċjal tas-Sena huwa premju importanti ħafna u ninsab onorat li rbaħt dan il-premju kif wkoll jagħtini motivazzjoni biex jien inkompli naħdem iktar minn qatt qabel. Nirringrazzja lill-Ispettur li jmexxi r-RIU tan-nominazzjoni tiegħi għal dan l-unur. Ġejt innominat u issa rbaħt dan l-unur minħabba xi każijiet li għent biex ġew solvuti meta nzertajt ma kontx duty. Wieħed minnhom kien ta’ hit and run fejn ittajret persuna u min tajjarha baqa’ sejjer. Inzertajt kont għaddej bil-vettura tiegħi u mort niġri wara din il-persuna u waqqaftha ftit iktar ‘il quddiem. Kien hemm każ ieħor fuq vetturi rrapportati misruqin. Kont naf bil-każ u konna qegħdin infittxu min seraqhom. Inzertajt vettura minnhom quddiemi u minkejja li ma kontx xogħol, intervjenejt u arrestajna xi nies. F’dan il-kaz tressqu xi nies il-Qorti u nstabu l-vetturi misruqin.

Għad hawn rispett lejn il-forzijiet tal-ordni fosthom il-Pulizija f’pajjiżna, jew tħoss li dan naqas matul iż-żmien?

Rigward rispett naħseb li l-maġġoranza tan-nies iva jġibulna rispett. Dan huwa kkonfermat ukoll minn stħarriġ differenti li sar dan l-aħħar fejn il-poplu wera li għandu l-ogħla rata ta’ fiduċja fil-Korp tal-Pulizija. Sfortunatament issib min ma jġibx rispett lejn il-pulizija, u dan ninnutawh anke sempliċiment meta nkunu qed nagħmlu roadchecks.  Tinduna mill-mod ta’ kif ikellmuk lura speċjalment meta jkollhom xi irregolaritajiet u jipprovaw jagħmlu minn kollox biex ma nieħdux passi. Però, kif għidt dan huwa parti żgħira tan-nies.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jidħol fil-Korp tal-Pulizija.

Il-messaġġ tiegħi għal min irid jingħaqad fil-Korp tal-Pulizija huwa wieħed … ix-xogħol tagħna huwa vokazzjoni u nħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom interess biex ma jaqtgħux qalbhom għax huwa xogħol li jagħtik sodisfazzjon kbir u anke hemm opportunitajiet li tavvanza fil-karriera.

Sport