Friday, April 26, 2024

IR-RELIĠJON U L-ISTAT

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ta’ spiss nisimgħu diskors dwar bidliet meħtieġa fil-kostituzzjoni ta’ Malta. Il-kliem idur l-aktar dwar governanza, poteri ezekuttivi tal-President u n-newtralità. Ftit jitqajjem il-post tar-reliġjon.

Il-kostituzzjoni issemmi r-reliġjon Kattolika b’mod privileġġjat għalkemm fiex eżatt għandhom jikkonsistu l-privileġġi tagħha, it-test ma tantx jagħti indikazzjonijiet. Żgur hu li kemm ilu miktub, l-istqarrija li l-Kattoliċeżimu hu r-reliġjon tal-poplu Malti tilfet mill-qawwa tagħha. Mhux biss għax fost saffi wiesgħa tal-poplu daħal it-twemmin ta’ reliġjonjiet oħra, imma wkoll għax maġġoranza ta’ Maltin u Għawdxin ma baqgħux marbuta mal-istruzzjonjiet li joħorġu mit-tmexxija tal-Knisja – kif wera r-referendum dwar id-divorzju.

Sadattant, l-istat baqa’ jirriżerva għall-Knisja l-parenza ta’ rwol kważi statali u d-dinjitarji ekkleżjastiċi jużawha biex publikament jgħaddu l-osservazzjonijiet u l-pariri tagħhom dwar il-ħajja publika.

Jekk tassew hemm bżonn ta’ riflessjoni dwar xi aġġornament tal-kostituzzjoni, naħseb li din għandha tkopri wkoll  ir-rwol  fil-komunità tar-reliġjon Kattolika bħala korp organizzat.

IN-NATO

Kien hemm żmien meta n-NATO kienet preżenti f’Malta permezz ta’ kwartier generali għar-reġjun ta’ madwar. Kienet tinjora lill-gvern Malti, anke wara l-Indipendenza, u tittratta direttament u biss mal-gvern Ingliż li kellu trattat “ta’ difiża” f’Malta.

Il-gvern ta’ dak iż-żmien kien għamel sforz biex jiġi aċċettat bħala membru tan-NATO imma malajr qalulu li mhux se jasal bogħod. Filfatt ma tawhx wiċċ. Biex ma jiksruhx wisq, tan-NATO kienu offrew “konsultazzjonijiet” regolari mal-gvern Malti. Dawn kienu jikkonsistu f’laqgħat xi darba f’xahar jew anqas bejn l-ambaxxatur Malti fi Brussell u s-segretarju ġenerali tan-NATO Manlio Brosio. 

Minnhom, l-ambaxxatur ma kien isir jaf xejn li ma setax jaqra mill-gazzetti, għalkemm wara, kien jibgħat rapport ikkowdjat lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin dwar xi jkun qallu Brosio. Naf għax kont hemm waqt li seħħ dan.

Imbagħad inbidel il-gvern f’Malta u n-NATO intalbet titlaq mill-gżira.

ELEZZJONIJIET FL-AWSTRALJA

Segwejt minn fuq is-Sydney Morning Herald il-ħruġ tar-riżultati tal-elezzjoni ġenerali fl-Awstralja sal-mument meta l-eks Prim Ministru Morrison għamel id-diskors tiegħu fejn aċċetta telfa. Kienet okkażjoni memorabbli għall-Partit Laburista Awstraljan li kien ilu għaxar snin fl-Oppożizzjoni federali.  

Memorabbli wkoll għall-mod kif il-gvern ta’ Morrison tilef – kandidati indipendenti, kollha nisa, rebħulu numru ta’ kostitwenzi li kienu tradizzjonalment Liberali. U l-Ħodor għamlu avvanzi tajba.

Kien ili żmien ma nsegwi l-politika Awstraljana: il-ġlied suwiċidali bejn il-fazzjonijiet ta’ Kevin Rudd u Julia Gillard fil-Partit Laburista ta’ snin ilu kien spiċċa xebbagħni. Issa jidher li taħt Anthony Albanese, il-Laburisti Awstraljani reġgħu sabu n-nifs. Imma jkun tajjeb jekk jikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom billi jirbħu l-gvern ta’ New South Wales. 

Sport