Ir-riħ b’qawwa ta’ riefnu li qed jaħkem fuq il-Gżejjer Maltin mistenni jibda jbatti mill-intensità tiegħu aktar tard waranofsinhar. Fil-fatt, mis-6:00 pm, ir-riħ mistenni jonqos pjuttost b’rata mgħaġġla biex isir moderat sad-9:00 pm. Ir-riħ se jkompli jdur lejn il-Punent il-Lbiċ u jibqa’ moderat għal ftit qawwi.
Bħalissa, id-dipressjoni Harry tinsab fuq il-Golf ta’ Gabes, u matul il-jum mistennija tkompli miexja lejn it-Tramuntana u tgħaddi minn fuq it-Tramuntana tat-Tuneżija. Dan se jwassal biex ir-riħ inaqqas mill-qawwa tiegħu, b’mod partikolari matul il-lejl li ġej.
It-twissija ta’ kulur aħmar, l-ogħla grad ta’ twissija maħruġa mill-Uffiċċju Meteoroloġiku, issa tnaqqset għal twissija oranġjo. Il-pubbliku xorta waħda qed jibqa’ jiġi mħeġġeġ biex jevita l-inħawi tal-kosta u anke l-bnadi fejn l-aktar jaqbel ir-riħ. It-twissija tibqa’ fis-seħħ sat-8:00 pm u tista’ terġa’ tiġi mġedda.
Apparti r-riħ qawwi, il-ġurnata mistennija li tibqa’ kkaratterizzata minn temp imsaħħab u xita f’xi waqtiet u anke minn trab fl-arja.
Intant l-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha tal-aħħar sigħat tkejlet mill-Uffiċċju Meteoroloġiku ftit wara s-7:00 am u laħqet il-qawwa ta’ 50 knot.
IT-TEMP GĦALL-JIEM LI ĠEJJIN
It-temp mistenni jibqa’ msaħħab matul il-ġranet li ġejjin bil-possibbiltà ta’ ħalbiet iżolati tax-xita. Ir-riħ jista’ jerġa’ jsir ftit qawwi għal qawwi għal perjodu qasir ta’ ħin matul il-ġurnata tal-Ħamis.
It-trab fl-arja mistenni jonqos matul il-ġurnata tal-Erbgħa, bl-arja titnaddaf kompletament sa nhar il-Ġimgħa.

