Wednesday, April 24, 2024

Ir-ritorn ta’ Donald Trump?

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu, Liz Cheney, waħda mill-aktar politiċi li kienu ħaduha qatta bla ħabel kontra r-reazzjoni ta’ Donald Trump għar-riżultat tal-Elezzjoni Presidenzjali ta’ sentejn ilu, fejn l-eks president Amerikan kien qal li l-elezzjoni kienet waħda mbagħbsa, tilfet is-siġġu tagħha ġewwa l-Kungress Amerikan fl-elezzjonijiet primarji assoċjati mal-Mid-Term Elections li mistennija jsiru f’Novembru li ġej. Minflok Liz Cheney, li minbarra s-saħħa li għandha fil-Partit Repubblikan, għandha wkoll ċertu prestiġju minħabba li hija bint l-eks Viċi President Amerikan Dick Cheney, dan is-siġġu issa sejjer ikun qiegħed jimtela’ minn Harriet Hageman, politikanta li minn dejjem appoġjat lil Donald Trump.

Din id-disfatta ta’ Liz Cheney, li anke kienet qiegħda tissemma bħala kandidat potenzjali tal-Partit Repubblikan fl-Elezzjoni Presidenzali li jmiss, qajmet ħafna reazzjoni, kemm gewwa l-Istati Uniti u kemm fil-media internazzjonali. Dan minħabba li ħafna qegħdin jinterpretaw dak li ġara lil Cheney u lil xi politiċi oħra Repubblikani li kienu ħaduha kontra Trump, bħala sinjal li Trump għadu b’saħħtu ħafna fil-Partit Repubblikan, tant li ħafna analisti politiċi qegħdin jgħidu li hemm ċans kbir li Trump jerġa’ jikkontesta l-Elezzjoni Presidenzjali tal-2024.

Trump u l-Partit Repubblikan

Skont sondaggi li saru dan l-ahhar, il-popolarita’ ta’ Trump fost il-votanti Repubblikani qiegħda kulma tmur terġa’ tiżdied. Dawn is-surveys qegħdin juru li aktar minn nofshom iridu lil Trump bħala l-kandidat Presidenzjali tal-partit tagħhom fl-elezzjoni li jmiss. Dan wara li sa ftit tax-xhur ilu, Ron DeSantis, il-gvernatur tal-Florida, kien qieghed izid b’mod kostanti fil-popolarità tiegħu fost il-partitarji Repubblikani. DeSantis, li jaddotta politika simili ħafna ta’ dik ta’ Trump li ddur mal-motto Make Amerika Great Again (MAGA), politika li għandha bħala l-bażi tagħha kontrolli drastiċi fuq l-immigrazzjoni llegali, tnaqqis fil-fondi li jagħtu l-Istati Uniti lin-NATO u fuq kollox kollaborazzjoni ma’ politiċi popolisti barranin bħal Victor Orban, il-Prim Ministru Ungeriż, u politiċi kontroversjali bħal Nigel Farange, politiku Ingliż li flimkien ma’ Boris Johnson kien il-moħħ wara Brexit. Tant hija ħaġa ovvja li qiegħda terġa’ tissaħħaħ il-popolarità ta’ Trump fost il-votanti Repubblikani li l-istess DeSantis, diġà beda jagħti indikazzjonijiet li naqqas l-ambizzjonijiet politiċi tiegħu għal dik li jikkontesta għall-kariga ta’ Viċi President ta’ Trump. 

Prova oħra li DeSantis qiegħed “jilgħaq” lil Trump ġiet mill-episodju tat-tfittxija li għamlet l-FBI f’waħda mill-proprjetajiet ta’ Trump dan l-aħħar, tfittxija li ġiet ikkritikata bl-aħrax mill-istess DeSantis li ta’ min jgħid li sa ftit tal-ġimgħat ilu, kien qiegħed jipproġetta ruħu bħala l-verżjoni żagħżugħa ta’ Trump mingħajr it-tbajja li għandu Trump.

Is-saħħa ta’ Trump ġewwa l-Partit Repubblikan kompliet toħroġ aktar fil-beraħ minn dak li ġara fil-Primaries tal-Mid terms li diġà semmejna fl-introduzzjoni. Minn dawn il-primarji, tmienja mill-aktar 10 politiċi Repubblikani li kienu ħadmu kontra Trump, għal diversi raġunijiet, spiċċaw tilfu s-siġġu tagħhom. Fuq kollox spikkaw l-istrateġiji komuni ta’ ħafna mill-kontestanti sabiex jidhru konformi mal-politika tal-MAGA u l-enfasi li għamlu l-maġġoranza tagħhom sabiex ikollhom l-endorsement tal-istess Trump.

X’jista’ jżomm lil Trump milli joħroġ?

L-ewwel fattur li huwa kontra Trump, kemm-il darba huwa jiddeċiedi li jrid jikkontesta l-Elezzjoni Presidenzjali li jmiss, hija l-età. Dan għaliex sakemm tasal din l-elezzjoni, Trump sejjer ikun ghalaq 76-il sena. 

Però, kontra l-ambizzjonijiet ta’ Trump sabiex jirritorna fil-White House, hemm ukoll numru ta’ investigazzjoniet ta’ natura serja ħafna li bħalissa għaddejjin fil-konfront tal-istess Trump, bl-aħħar waħda tkun dik li bdiet ftit tal-ġimgħat ilu, fejn rajna membri tal-FBI jagħmlu rejd fil-proprjetà li għandu Donald Trump gewwa l-Florida, magħrufa bħala l-Mare a Lago. F’dan ir-rejd qiegħed jingħad li ġew ikkonfiskati numru kbir ta’ dokumenti sensittivi li allegatament ittieħdu mill-istess Trump mill-White House. 

Trump għandu aktar każijiet għaddejjin li jinkludu fost oħrajn, investigazzjoni fuq evażjoni ta’ miljuni ta’ dollari f’taxxa kif ukoll akkuża serja li huwa pprova jinfluwenza b’mod illegali, l-elezzjoni ta’ Fulto County ġewwa l-istat ta’ Georgia. Fuq kollox, Trump għad irid jirrispondi fuq l-irwol tiegħu fuq dak li kien ġara lura fis-6 ta’ Jannar 2020, meta folla kbira ta’ partitarji Repubblikani kienu attakkaw il-Capitol, il-binja fejn jiltaqa’ l-Kungress Amerikan.

Sikkina li taqta’ miż-żewġ naħat

Kemm-il darba Trump iħossu li qiegħed dahru mal-ħajt f’xi waħda minn dawn l-investigazzjonijiet, minflok jaqta’ qalbu u jwarrab mill-politika, jaf ikun kostrett li jikkontesta aktar minn qatt qabel. Dan għaliex b’dan il-mod huwa jkun qiegħed jaffaċċja dawn l-investigazzjonijiet bħala l-mexxej ta’ moviment li fl-Elezzjoni Presidenzjali li għaddiet ġab xejn anqas minn 75 miljun vot u mhux bħala ċittadin komuni.

Bidla fis-saħħa tal-fazzjonijiet

Sa tmien snin ilu, politiku bħal Donald Trump kien jitwarrab mill-establishment Amerikan magħmul minn negozjanti sinjuri li sa dak iż-żmien kellhom ħafna saħħa fil-Partit Repubblikan. Din is-saħħa fil-partit naqset ħafna fi żmien Trump, meta l-partit beda jattira hafna aktar lil haddiema manwali ta’ origini Ewropeja kif ukoll lill Amerikani li originaw mill-Amerika Latina, nies li l-aktar li jinterassahom huwa li jiġġieldu l-immigrazzjoni, li jnaqqsu l-finanzjament li l-Istati Uniti jagħtu sabiex jiġu ffinanzjati gwerer ta’ ħaddieħor, kif ukoll li jitjiebu s-servizzi tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema ż-żgħar.

Minn dak li rajna aktar ‘il fuq jidher li mhijiex xi ħaġa faċli li Trump jiġi mwaqqaf milli jerġa’ jikkontesta l-Elezzjoni Presidenzjali li mistennija ssir f’Novembru tal-2024. Żgur li l-prestazzjoni sa issa ta’ Joe Biden sejra tgħin mhux ftit li Trump jerġa’ jsir il-President tal-Istati Uniti kemm-il darba Trump jikkontesta. Żgur li kemm il-darba Trump jerga’ jidhol fil-White House sejjer ikun hemm ħafna tħassib fuq l-andament tal-politika internazzjonali l-aktar minħabba li huwa sigriet magħruf li Trump jassoċja ħafna ruħu ma’ politiċi bħal Vladimir Putin u Xi Jinping.

Sport