Ir-Royal Malta Yacht Club illum nieda l-iniżjattiva “Sustainability Compass”, proġett li jenfasizza l-impenn tal-Club lejn il-prinċipji Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG). Din l-inizjattiva għandha l-għan li tnaqqas l-impatt ambjentali tal-Club, jadotta attivitajiet responsabbiltà soċjali b’saħħithom, u jiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà permezz ta’ governanza eżemplari.
L-iskop ta’ din l-inizjattiva huwa li tispira ġenerazzjonijiet ta’ baħrin responsabbli, fejn titrawwem kultura ta’ rispett għall-ibħra tagħna. Dan se jinkiseb billi l-membri tal-Club, il-baħrin, l-istudenti tal-RMYC Sailing School u l-komunità jiġu edukati dwar il-valuri tas-sostenibbiltà tal-Club li jinkludu r-rispett għall-ibħra tagħna, l-inklussività, it-trawwim tal-ħbiberija u l-ħidma f’tim, u l-ħolqien ta’ wirt permezz tal-ibburdjar.
Dan l-ewwel rapport ta’ sostenibbiltà jirrifletti l-impenn tal-Club għat-trasparenza u t-titjib kontinwu, li jallinja mal-prinċipji tal-Corporate Sustainability Reporting Directive (CSRD) u li juża standards globali stabbiliti. L-ewwel parti tal-proċess bdiet bil-ġbir t’informazzjoni, id-definizzjonijiet ta’ miri ambizzjużi iżda li jistgħu jintlaħqu sal-2030, u deskrizzjoni ta’pjanijiet t’azzjoni ċari. Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali tal-isforzi tas-sostenibbiltà tal-Club b’miri stabbiliti għall-2030, progress li sar fl-2023 jekk ikun hemm, u miri azzjonabbli ċari għall-2024.
“Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-kollaborazzjoni tagħna ma’ World Sailing, sħubijiet ma’ Zibel u r-Rolex Middle Sea Race, u l-kontribuzzjonijiet minn diversi dipartimenti u partijiet interessati fi ħdan il-Club. Dan ir-rapport iservi ta’ bażi, u nibqgħu ddedikati għal titjib kontinwu, hekk kif innavigaw lejn futur aktar sostenibbli għall-Club tagħna u l-ambjent tal-baħar” irrimarkat Melanie Vella, Konsulent tas-Sostenibbiltà.
Il-ħames pilastri li madwarhom se ddur din l-inizjattiva huma l-Ambjent Naturali: il-prijoritizzazzjoni tal-ħarsien u l-preservazzjoni tal-inħawi naturali permezz ta’ prattiki sostenibbli; Edukazzjoni u Taħriġ: it-titjib tal-għarfien u l-ħiliet relatati mas-sostenibbiltà fost il-membri tal-Club u l-komunità tal-madwar; Avvenimenti: implimentazzjoni t’attivitajiet sostenibbli fl-avvenimenti tal-Club biex jitnaqqas l-impatt ambjentali; Impenn tal-Komunità: trawwim ta’ relazzjonijiet u kollaborazzjoni b’saħħithom mal-komunità lokali; u Governanza: l-iżgurar tat-trasparenza, ir-responsabbiltà, u l-integrità fl-operazzjonijiet kollha tal-Club.
L-Uffiċjal tas-Sostenibbiltà fi ħdan l-RMYC, Mark Vella, kompla jispjega li “Bħalissa qed naħdmu biex nimplimentaw sistemi u governanza robusti fejn jidħol il-ġbir ta’ data, partikolarment fil-qasam tal-avvenimenti. Dan ser jgħina biex inkabbru l-oqsma fejn ser ngħatu l-attenzjoni tagħna, li jippermettilna nindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet emerġenti fil-qasam tas-sostenibbiltà b’mod aktar effettiv.”
Il-Club se jkun qed iniedi wkoll kampanja edukattiva fil-midja soċjali li tikkonsisti fil-5 Azzjonijiet Sostenibbli għall-Baħħara. Dawn l-azzjonijiet jipprovdu lista interessanti u azzjonabbli ta’ drawwiet ta’ kuljum biex jibdew il-vjaġġ sostenibbli tagħhom waqt li jipprattikaw l-ibburdjar. Għal din il-kampanja numru ta’ membri tal-Club u studenti tal-RMYC Sailing School ġew innominati bħala ambaxxaturi għal din l-inizjattiva.
Il-kultivazzjoni ta’ komunità sostenibbli ilha fuq l-aġenda tal-Club u għandha relazzjoni pożittiva li ilha żmien twil mal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex. “Bħala Kunsill napprezzaw l-isforzi ta’ sostenibbiltà li qed iseħħu mill-RMYC fil-komunità lokali tagħna. Flimkien nistgħu nibnu komunità aktar inklużiva fejn ilkoll nieħdu ħsieb l-ambjent naturali u ż-żoni kostali tagħna,” qal is-Sindku Max Zammit, li kien preżenti għat-tnedija.
Dan l-isforz kollaborattiv jiffoka fuq il-promozzjoni tas-sostenibbiltà u t-trawwim tal-imħabba għall-ibburdjar fi ħdan il-komunità ġewwa Ta’Xbiex li jfisser is-saħħa tas-sħubija fit-trawwim ta’ Ta’ Xbiex b’saħħtu u sostenibbli.
“L-RMYC Sustainability Compass jirrappreżenta pass sinifikanti ‘l quddiem fl-impenn tagħna biex nrawwmu futur sostenibbli għall-ibburdjar u l-komunità tagħna. Nistennew bil-ħerqa l-vjaġġ li ġej u l-impatt pożittiv li nistgħu niksbu flimkien” ikkonkluda l-Commodore tar-Royal Malta Yacht Club, David Cremona.
It-tim tas-Sostenibbiltà tal-RMYC huwa mmexxi minn Melanie Vella u jinkludi Club Commodore David Cremona (Inizjattivi ta’ Ingaġġ lokali), Mark Vella (Ambjent u Governanza), Georges Bonello DuPuis (Sostenibbiltà tal-Avvenimenti), Ruya Cakmakli (Taħriġ u Edukazzjoni), Edgar Warrington (Inklużjoni & Governanza), u Andrew Schembri (rappreżentant tal-NGO ta’ Zibel).
Aċċess għar-rapport sħiħ jista’ jinstab permezz tas-sit eletroniku tar-Royal Malta Yacht Club – https://rmyc.org/about/#sustainability