Tuesday, May 14, 2024

Is-sussidju fil-kontijiet tal-enerġija l-aktar miżura milqugħa mill-operaturi turistiċi Għawdxin

Sinjali inkoraġġanti li l-2022 se tkun is-sena tal-irkupru għat-turiżmu f’Għawdex

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) wettqet stħarriġ online fost il-membri tagħha li ffoka dwar l-andament tal-istabbilimenti turistiċi Għawdxin fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, l-istaġun tas-sajf kif ukoll dwar kwistjonijiet relatati mal-budget għas-sena d-dieħla. 

L-Assoċjazzjoni qalet li r-rispons li kellha kien wieħed inkoraġġanti għal dan l-istħarriġ mill-operaturi turistiċi Għawdxin li kien jinkludi s-settur tal-akkomodazzjoni, ristoranti, ċentri tal-għadis, attrazzjonijiet turistiċi, tour operators, u aġenziji tal-ivvjaġġar fost l-oħrajn. 

L-istħarriġ ikkonferma l-effett pożittiv fuq in-negozju ġġenerat mill-istabbilimenti turistiċi Għawdxin bejn Jannar u Settembru 2022, u wera sinjali inkoraġġanti li l-2022 se tkun tassew is-sena tal-irkupru. Fil-fatt, 69% tal-istabbilimenti rrappurtaw li marru aħjar, 21% qalu li baqgħu fejn kienu filwaqt li 10% irrapportaw li kellhom inqas bejgħ.

Meta mistoqsija dwar il-budget 2023, 35% wieġbu li n-negozji tagħhom se jkunu affettwati b’mod pożittiv hekk kif il-Gvern se jkompli jissussidja l-kontijiet tal-enerġija. Min-naħa l-oħra, kien hemm 31% li stqarrew li ma ġewx inklużi biżżejjed miżuri diretti lejn it-turiżmu fil-budget għall-2023.

Żied jingħad ukoll li 14% ta’ dawk li wieġbu fl-istħarriġ qalu li ż-żieda fil-COLA hija miżura iebsa għall-istabbilimenti tagħhom. Meta dawk li wieġbu ġew mistoqsija jekk hux se jgħollu l-prezzijiet u r-rati tagħhom biex ikopru ż-żieda tal-COLA, 45% qalu li se jżiduhom mentri 45% iddikjaraw li mhux se jdaħħlu żidiet.

Il-maġġoranza tal-operaturi turistiċi (79%) għal darba oħra kkonfermaw li l-aktar miżura fil-Budget 2023 li se tkun qiegħda taffettwa n-negozju tagħhom b’mod pożittiv kienet is-sussidju fil-kontijiet tal-enerġija. 

Mitluba jgħidu liema kienet dik il-miżura fil-Budget, relatata ma’ Għawdex, li l-aktar se taffettwa n-negozju tagħhom b’mod pożittiv, 67% għażlu l-iskema biex ikunu attirati aktar turisti biex joqogħdu aktar fil-gżira matul ix-xhur tax-xitwa. 

Fl-aħħar nett, 69% ta’ dawk li wieġbu qalu li qed jistennew l-istess livell ta’ bejgħ għall-2023, bi 13% oħra qed ibassru riżultati aħjar. 10% tal-istabbilimenti ddikjaraw li minħabba kwistjonijiet diversi, inkluż l-inflazzjoni, qed ibassru li se jkollhom inqas negozju fl-2023 meta mqabbla mal-2022. 

Sport