Saturday, December 21, 2024

Issir l-ewwel proċedura ta’ Transsphenoidal Surgery f’Malta

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li għall-ewwel darba f’pajjiżna, matul il-ġimgħa li għaddiet, id-Dipartiment tan-Newrokirurġija fl-Isptar Mater Dei wettaq l-ewwel proċedura ta’ Transsphenoidal Surgery permezz ta’ kirurġija pitwitarja endoskopika minn tim lokali f’Malta. Dan l-intervent kien possibbli permezz tal-investiment li sar f’tagħmir ġdid li jiswa madwar €700,000, kif ukoll wara taħriġ intensiv.

Il-ministru spjega li dan l-ewwel intervent sar fuq pazjent ta’ 27 sena fejn kien qed isoffri minn problemi fil-vista. Qal kif wara numru ta’ testijiet irriżulta li l-vista tal-pazjent kienet sejra għall-agħar b’mod mgħaġġel u għalhekk għadda minn proċedura endoskopika ta’ emerġenza mill-imnieħer li rriżultat f’titjib kważi immedjat fil-vista tiegħu.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal ukoll li dan l-iżvilupp kien possibbli bi sforz koordinat ta’ tim ta’ endokrinoloġisti, kirurgi, anestetisti u infermiera li grazzi għalihom rajna riżultati ta’ suċċess permezz ta’ dan l-intervent. It-tim Malti tmexxa minn Dr Jasmina Djukic u Dr Mark Gruppetta.

“Grazzi għal dan l-investiment u taħriġ, pazjenti Maltin u Għawdxin ser jibbenefikaw minn trattament fl-Isptar Mater Dei mingħajr il-ħtieġa li jintbagħatu barra minn Malta. Nirringrazzja lit-tim kollu ta’ speċjalisti u infermiera għax-xogħol tagħhom,” temm jgħid il-ministru.

Ekonomija

Sport