L-aħħar data miġbura minn xjenzati ewlenin dwar il-klima turi li t-tibdil klimatiku, bit-temperaturi jkunu dejjem aktar sħan, huwa ta’ theddida realistika anki għall-ħajja tan-nies. Dan huwa ta’ eżempju illi jekk bħala umanità se nibqgħu nkunu ċassi u ma niħdux azzjoni globali immedjata li trażżan it-tisħin tal-klima, id-dinja li ngħixu fuqha se jkollha futur imċajpar severament.
Fil-fatt, it-temperaturi li d-dinja li esperjenzat f’dawn id-diċennji ta’ snin juru li s-sħana żdiedet ferm u ferm aktar milli kienet qabel ma l-bniedem industrijalizza ruħu. Ilna snin issa minn meta bdejna naraw l-effetti diżastrużi u kuntrastanti f’pajjiżi madwar id-dinja. Saħansitra rajna pajjiżi jegħrqu taħt ilmijiet u għargħar qawwi filwaqt li pajjiżi oħra batew l-għatx min-nuqqas ta’ xita u nixfa.
Bħalissa qed naraw ukoll u nisimgħu fil-mezzi tal-aħbarijiet internazzjonali x’qed jiġri bis-sħana estrema fil-kontinent Ewropew partikularment fi Franza, Spanja, l-Italja u r-Renju Unit. Fi Franza diġà mietu n-nies.
Hawn nistaqsu f’Malta x’qegħdin nagħmlu biex kemm jista’ jkun innaqqsu mill-effetti tat-tibdil fil-klima. Bla dubju pajjiżna huwa impenjat ukoll f’dan ir-rigward. U l-Gvern jidher li se jkompli jieħu miżuri, kif diġà ħa, li għandhom l-għan li jnaqqsu t-tniġġiż u jtejbu l-kwalità tal-arja. Biżżejjed insemmu l-eluf ta’ siġar u arbuxelli li tħawlu madwar pajjiżna.
Ma’ dawn hemm ukoll miżuri oħra fosthom is-sussidju li ngħata fuq ix-xiri ta’ vetturi elettriċi, l-investiment qawwi f’enerġija rinovabbli, il-proġett li l-bastiment jitfu l-magni fil-portijiet u jieħdu l-elettriku minn fuq l-art, u r-riċiklaġġ ta’ prodotti tal-plastik fost oħrajn. Dawn il-miżuri lkoll huma intenzjonati li jnaqqsu d-dħaħen mill-arja u li mhux biss itaffu l-effett tat-tibdil klimatiku imma wkoll inaqqsu r-riskji għas-saħħa tan-nies.
Kien f’dan il-kuntest ukoll li l-Gvern iffoka fuq it-twaqqif ta’ Awtorità dwar l-Azzjoni fil-Klima. Din l-Awtorità saret bil-għan li toffri direzzjoni għal pajjiżna b’deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza u t-teknoloġija. Dan kollu jirrifletti s-sensibilità u s-serjetà li biha l-Gvern ta lil din il-kwistjoni ta’ importanza urġenti.
Bħala pajjiż għandna dmir li nkunu dejjem aktar responsabbli fl-użu tar-riżorsi li għandna u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex kemm jista’ jkun innaqqsu l-emissjonijiet fl-istess waqt li nibżgħu għall-ambjent naturali li aħna mdawrin bih.

