Friday, June 26, 2026

Dehra ġdida għall-arazzi tal-Palazz tal-Gran Mastru

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-arazzi tal-Palazz tal-Gran Mastru ngħataw dehra ġdida wara li sar fuqhom restawr u konservazzjoni li dam għaddej għal kważi sentejn fil-Belġju. Dawn l-arazzi li tpoġġew f’posthom fil-ġimgħat li għaddew, flimkien mar-restawr tas-Sala tal-Arazzi, kienu jiffurmaw parti mill-proġett ta’ restawr estensiv tal-Palazz tal-Gran Mastru.  

Iċ-ċelebrazzjoni tar-restawr tal-arazzi saret il-Ħamis filgħodu fil-preżenza tal-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, li f’diskors tal-okkażjoni qalet li l-arazzi huma parti mill-patrimonju uniku, storiku u artistiku marbut mal-istorja ta’ pajjiżna. 

Dawn l-arazzi juru wkoll il-ħiliet kbar tal-bniedem. Mill-artisti li pinġew l-ewwel disinji ta’ xeni eżotiċi li juru l-arazzi sa nies li nisġuhom aktar minn 300 sena ilu, sa dawk illi rrestawrawhom u li qed jindikurawhom kuljum u dawk li bis-sengħa tagħhom bħala ħaddiema tal-id wettqu ħidma imprezzabbli fis-Sala tal-Arazzi u fil-bqija tal-Palazz.

Fid-diskors tagħha, il-President Spiteri Debono qalet li dawn l-arazzi ilhom iżejnu dan il-Palazz sa mill-bidu tas-seklu 18 u kienu ġew ikkummissjonati mingħand il-famużi Gobelins ta’ Pariġi mill-Gran Mastru Ramon Perellos y Roccaful fl-1708, bħala parti mill-‘gioia’ tiegħu – rigal lill-Ordni fl-okkażjoni tal-ħatra bħala Gran Mastru. 

“Minn dakinhar ’l hawn, l-arazzi mhux biss sebbħu lill-Palazz tal-Gran Mastru iżda kienu wkoll simbolu tal-konnessjoni ta’ Malta mal-istorja Ewropea, mal-arti u mal-kultura li kien hemm fl-Ewropa dak iż-żmien. L-arazzi jirrakkontaw l-istorja ta’ dinjiet ġodda li f’dak iż-żmien, l-Ewropej kienu qed jiskopru, ta’ flora u fawna eżotiċi,” qalet il-President.

Hija temmet tesprimi l-gratitudni tagħha f’isem il-poplu lil Heritage Malta, lit-tmexxija tagħha, lill-esperti kollha involuti kif ukoll lil dawk illi l-impenn tagħhom reġgħu taw lil dawn l-arazzi ħajja mill-ġdid. 

Kapitlu ġdid fil-ħajja twila tal-arazzi

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit qal li “dan hu jum ta’ emozzjonijiet u riflessjonjiet profondi għal Heritage Malta. Qed nibdew kapitlu ġdid fil-ħajja twila tal-arazzi. Wieħed mill-għeżież teżori tal-patrimonju Malti.”

Huwa spjega li għal aktar minn tliet sekli, l-arazzi mhux biss servew bħala tiżjin li jpaxxi l-għajn imma wkoll bħala rakkontaturi tal-istorja twila u intriganti ta’ pajjiżna. Storja dwar il-mexxejja ta’ Malta, l-iskoperta ta’ artijiet ġodda, is-sengħa artistika tal-bniedem u l-mezzi meraviljużi ta’ kif il-bniedem jibqa’ mfakkar ħafna wara l-preżenza fiżika tiegħu.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta kompla jgħid li żewġ għanijiet ewlenin ta’ Heritage Malta huma li tibni rabta emottiva qawwija bejn il-patrimonju u l-komunità lokali u li ttejjeb il-profil internazzjonali tagħha billi tkun ta’ ispirazzjoni għal udjenzi barrani

“L-arazzi tal-Palazz huma mezz eċċellenti kif nilħqu dawn iż-żewġ għanijiet prinċipali. Dan għaliex l-arazzi stess iqanqlu fil-Maltin sens ta’ kburija u appartenza kif ukoll għax dawn mhumiex biss teżor nazzjonali imma parti min-narrattiva usa’ u aktar globali.”

Is-Sur Zammit qal li issa l-Palazz huwa miftuħ għal viżitaturi bi spazju ikbar u isbaħ minn qatt qabel. Tenna li l-missjoni ta’ aċċessibilità li tħaddan Heritage Malta qed tkompli titwettaq bir-restawr tal-arazzi u l-ftuħ tas-sala tal-arazzi. 

F’messaġġ permezz ta’ filmat, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Mario Cutajar esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li dawn l-arazzi ngħataw ħajja mill-ġdid. Huwa esprima l-konvinzjoni tiegħu li r-restawr u l-konservazzjoni tagħhom jirrifletti r-rispett lejn l-imgħoddi, l-esperjenzi ta’ poplu, dawk li sawru n-nies u lejn in-nies infushom.

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea qal li huwa “l-obbligu tagħna li nkomplu ngħollu l-livell ta’ dan il-pajjiż ’il fuq billi nieħdu ħsieb dak kollu li ħallewlna ta’ qabilna u l-obbligu anke morali tagħna li rridu nħallu lin-nies ta’ warajna.”

“Nemmen li l-livell li jmiss hu li dak kollu li dan il-pajjiż hu mogħni bih irridu nużaw l-ekonomija tagħna sabiex nippreservaw u jkollna finanzi biżżejjed ħalli nħalluh lin-nies ta’ warajna. Fiċ-ċentru tagħna għandu jkollna l-ġenerazzjonijiet futuri, it-tfal. Irridu ngħallmu lit-tfal tagħna minn età żgħira li dawn huma teżor imprezzabbli,” qal il-Ministru Agius Galea. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport