Vassallo qal li bħala timijiet nazzjonali jkollhom numru ta’ partiti mhux biss dawk tal-ewwel timijiet tal-Irġiel u tan-Nisa imma anki fuq livell taż-żgħażagħ. Bejn Settembru u Novembru kull sena jun hemm it-twieqi internazzjonali u jintlagħabu numru ta’ partiti kemm f’darna u kif ukoll barra minn darna. Fil-fatt l-ewwel tieqa għaddiet u din kienet twila aktar min-normal. Dan il-format ta’ tieqa itwal għandu jkompli sas-sena 2030 meta imbagħad il-FIFA tagħmel reviżjoni tal-kalendarju internazzjonali għaċ-ċiklu li jmiss.
Il-Presidenti saħaq li issa li ħriġna minn din it-tieqa tal-Irġiel dħalna f’waħda tan-Nisa u wara jerġgħu jilgħabu l-Irġiel f’nofs Novembru. Ovvjament l-attenzjoni din is-sena hija kollha fuq l-aħħar partita tan-Nations League f’nofs ix-xahar id-dieħel għaliex Malta tista’ tispiċċa fl-ewwel post tal-grupp u tista’ wkoll twassal biex pajjiżna jikkwalifika għall-play-offs tal-EURO 2028 li se jinżammu fl-Ingilterra u l-pajjiżi Brittaniċi.
Huwa spjega li fil-verita’ l-attenzjoni massima hija fuq din il-logħba li jmissna kontra Ġibilta’ iżda l-plejers diġa’ rritornaw lura mal-klabbs domestiċi u xogħol it-tekniċi issa huwa li jżommu kuntatt u jsegwu l-andament tal-kampjonati rispettivi.
Huwa kkonkluda billi qal li meta tasal it-tieqa internazzjonali li jmiss, issir is-sejħa u wara jibdew il-preparamenti neċċessarji. Huwa qal li t-tim li se jingħażel ħa jkun impenjat f’partita internazzjonali ta’ ħbiberija qabel biex wara Malta jkollha l-aħħar impenn fin-Nations League. Konsegwentament, fil-bidu ta’ Diċembru, ikun hemm il-poloz għall-kwalifikazzjoni ta’ EURO 2028 u f’Marzu tibda dik il-kompetizzjoni li se tkun l-aħħar darba li se tintlagħab bil-format eżistenti.

