Il-ħaddiema jixirqilhom kundizzjonijiet tax-xogħol tajba, li jkunu stmati l-istess u jieħdu bi dritt dak li huwa tagħhom u dak li qed jaħdmu għalih, huma min huma, ġejjin minn fejn ġejjin. U huwa proprju dan li qed naraw minn sena għall-oħra. Aktar drittijiet u tisħiħ fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Xhieda ta’ dan kollu huma s-sensiela ta’ riformi u liġijiet ġodda li ddaħħlu f’dawn l-aħħar snin. Ewlenin fosthom ir-Regolamenti dwar l-Aġenziji tal-Impjieg, ir-Regolamenti dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, il-Liv tal-Paternità, il-Liv tal-Ġenituri u l-Carer’s Leave.
Flimkien ma’ dawn hemm ukoll il-ftehim storiku dwar il-Paga Minima Nazzjonali u t-twaqqif tal-Kummissjoni għall-Pagi Baxxi li tassigura l-aġġustament tal-paga minima minn żmien għal żmien. Mill-bidu ta’ din is-sena, daħal fis-seħħ ukoll il-kunċett tal-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur.
Nemmnu illi dawn huma liġijiet li mhux biss qegħdin isaħħu lill-ħaddiem iżda wkoll qed iwasslu għal kwalità akbar fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna. Dan fil-kuntest li jekk il-ħaddiem ikollu kundizzjonijiet tajbin fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdem, se jkun produttiv aktar.
Dawn il-liġijiet ġodda waħedhom iżda mhux biżżejjed. Ikun hemm bżonn li jsir infurzar mill-awtoritajiet kompetenti biex ikun assigurat illi dak li huwa intitolat għalih il-ħaddiem jingħatalu. Biss biss ta’ min isemmi kif f’oqsma relattivament ġodda bħal dak tal-food couriers, il-ħaddiema qegħdin jingħataw kundizzjonijiet denji bħall-paga minima u drittijiet oħra bħall-bonuses, il-liv, il-liv tal-mard u ħlasijiet għas-sahra.
Hawn ma nistgħux ma nfaħħrux il-ħidma mwettqa id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) fejn is-sena l-oħra assista mat-43,000 persuna fl-istess waqt li serva ta’ pont bejn it-trejdunjins u min iħaddem. B’hekk, kif stqarr tajjeb is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, din l-ekosistema li rnexxielu joħloq dan il-Gvern qiegħda tkompli toffri s-salvagwardji, speċjalment fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Għalhekk inħarsu ’l quddiem għal aktar miżuri f’din id-direzzjoni, b’dan il-Gvern jibqa’ impenjat li jagħti s-sostenn tiegħu lill-ħaddiema kollha u lill-familjari tagħhom.