Saturday, April 25, 2026

It-tkabbir ekonomiku immodera imma baqa’ b’saħħtu u ferm għola miż-żona ewro

Aqra wkoll

Il-Kap Ekonomista, Dr Aaron Grech, waqt il-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali għas-sena 2025, iddikjara li tkabbir ekonomiku f’Malta mmodera matul is-sena iżda baqa’ b’saħħtu u ferm ogħla minn dak taż-żona ewro.  

Ġie dikjarat li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna kien sostnut mid‑domanda domestika.  Hu qal ukoll li filwaqt li s-sussidji tal-enerġija huma mistennija li jtaffu l-ekonomija mill-impatt dirett ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija, hemm riskji negattivi għat-tkabbir u riskji ta’ żieda għall-inflazzjoni, minħabba l-impatt globali mill-kunflitt fil-Golf Għarbi. 

Il-Gvernatur Alexander Demarco f’diskors li għamel waqt li nieda ir-Rapport Annwali għas-sena 2025, iddikjara li l-ekonomija taż-żona tal-ewro wriet sinjali dejjem jiżdiedu ta’ stabbilizzazzjoni matul is-sena, minkejja inċertezza ġeopolitika akbar, filwaqt li l-pressjonijiet inflazzjonarji komplew jonqsu.

Hekk kif eżercizzji suċċessivi tat-tbassir indikaw li l-inflazzjoni kienet miexja b’mod sostenibbli lejn il-mira ta’ 2 fil-mija tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fuq żmien medju, il-Kunsill Governattiv naqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’100 punt bażi kumulattivi fl-ewwel nofs tas-sena, biex b’hekk ir-rata fuq il-faċilità ta’ depożitu tbaxxiet għal 2 fil-mija sa Ġunju. 

Il-Kap Ekonomista, Dr Aaron Grech minn naħa tiegħu qal li “l‑inflazzjoni baqgħet moderata u stabbilizzat għal 2.4 fil-mija, sostanzjalment taħt l‑ogħla livell irreġistrat fil‑perjodu ta’ wara l‑pandemija.

It‑tbassir tal‑Bank jindika aktar moderazzjoni fit‑tkabbir ekonomiku, għalkemm l‑attività mistennija tibqa’ b’saħħitha, filwaqt li l‑inflazzjoni mistennija tonqos ftit din is‑sena. Madankollu, dan it-tbassir huwa soġġett għal inċertezza konsiderevoli, peress li ġie ppreparat qabel eskala l-kunflitt militari fil-Lvant Nofsani.”

Mir-rapport joħorġu fatti interessanti b’mod partikolari fuq is-settur tal-kostruzzjoni. Intqal li “l-għadd ta’ permessi għal unitajiet residenzjali maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar żdied b’41.4 fil-mija fis-sena 2025, wara żieda ta’ 7.4 fil-mija fis-sena 2024″

“Il-permessi maħruġa kienu ftit aktar minn 12,300, minn ftit aktar minn 8,700 fis-sena ta’ qabel, L-għadd ta’ permessi fis-sena 2025 qabeż il-medja storika ta’ madwar 7,500 u kien qrib l-għadd ta’ permessi maħruġa fis-sena 2018 u fis-sena 2019 li kienu s-snin meta ġew approvati l-akbar għadd ta’ permessi. L-aħħar żieda fil-permessi kienet mifruxa fuq il-kategoriji kollha tal-proprjetà bl-akbar żieda sena wara sena fit-termini tal-livell tkun fil-permessi għall-appartamenti. Fis-sena 2025, il-permessi għall-appartamenti ammontaw għal kważi disgħa minn kull għaxar permessi.”

Ir-rapport jgħid li “l-għadd ta’ permessi ta’ żvilupp għal bini kummerċjali żdied bi 28.7 fil-mija fl-2025, wara żieda ta’ 5.6 fil-mija fis-sena ta’ qabel. Fl-2025, inħarġu 3,441 permess kummerċjali, ‘il fuq mit-2,673 permess approvati fl-2024, u wkoll ogħla mill-medja fit-tul ta’ madwar 2,800 permess”.

“Matul l-2025, l-investiment fil-kostruzzjoni żdied b’0.2 fil-mija f’termini reali, wara żieda ta’ 5.5 fil-mija fl-2024. Iż-żieda kienet immexxija minn żieda ta’ 2.2 fil-mija fl-investiment residenzjali. Min-naħa l-oħra, l-investiment mhux residenzjali naqas b’1.7 fil-mija”.

Rigward tal-prezzijiet tal-proprjetà, ir-rapport annwali jgħid li “l-prezzijiet tal-proprjetà residenzjali komplew jiżdiedu matul l-ewwel tliet kwarti tas-sena 2025, għalkemm b’pass aktar bil-mod. L-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Proprjetà Residenzjali, li huwa bbażat fuq tranżazzjonijiet attwali li jinvolvu appartamenti, maisonettes u djar – żdied b’rata medja annwali ta’ 5.7 fil-mija matul l-ewwel tliet kwarti tas-sena, wara żieda ta’ 6.7 fil-mija irreġistrata fl-2024 kollha kemm hi.”

Jgħid li “ż-żieda fil-prezzijiet fl-ewwel tliet kwarti tal-2025 qabżet dik fiż-żona tal-ewro, fejn il-prezzijiet tad-djar żdiedu b’rata annwali ta’ 5.2 fil-mija matul l-istess perjodu. Il-prezzijiet tal-proprjetà residenzjali f’Malta komplew jiġu appoġġjati minn diversi fatturi”.

“Settur tat-turiżmu dinamiku u flussi kontinwi ta’ ħaddiema migranti jkomplu jappoġġjaw id-domanda għall-akkomodazzjoni u għalhekk, il-prezzijiet tal-proprjetà. Diversi skemi tal-gvern immirati lejn dawk li qed jixtru proprjetà għall-ewwel darba fis-suq tal-proprjetà kkontribwew ukoll biex jappoġġjaw id-domanda”.

L-għadd ta’ permessi għal unitajiet residenzjali maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar żdied b’41.4 fil-mija fl-2025. Mir-rapport tal-Bank Ċentrali b’mod ġenerali toħroġ ir-reżiljenza u s-saħħa strutturali tal-ekonomija Maltija, flimkien ma’ titjib sostanzjali fil-finanzi pubbliċi.

Dan ir-rapport hu l-ewwel wieħed tal-Gvernatur il-ġdid Sandro Demarco, jixhed riżultati tajbin minkejja klima internazzjonali mimlija inċertezzi u tensjonijiet ġeopolitiċi, li wkoll wasslu lil għadd ta’ pajjiżi biex, bil-maqlub ta’ Malta, jirrikorru għal politika t’awsterità.

Ir-rapport jisħaq kif l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’ritmu sostnut, bit-tkabbir hu mbassar li jibqa’ qrib l-4 fil-mija f’termini reali fis-snin li ġejjin, livell li wkoll se jaqbeż il-mira ta’ 3 fil-mija stabbilità fil-Viżjoni Malta 2050.

Id-domanda domestika qed tkompli tkun il-mutur prinċipali tat-tkabbir, imsaħħa mill-miżuri tal-Gvern, bħat-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul, li qed iħallu effetti pożittivi fuq il-konsum u l-investiment.

Ir-rapport jindika livelli rekord ta’ fiduċja ekonomika u suq tax-xogħol estremament dinamiku. Waqt li l-qgħad niżel għall-minimu storiku u ferm inqas minn nofs il-medja Ewropea, in-numru t’opportunitajiet ta’ xogħol laħaq livell bla preċedent.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport