L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) qed tkompli tinvesti fl-iżvilupp tal-ħiliet fis-settur tal-kostruzzjoni permezz ta’ programm strutturat ta’ taħriġ, li jinkludi kors speċjalizzat dwar is-sengħa tradizzjonali tal-bini tal-ħitan tas-sejjieħ.
Dan il-kors, li attira aktar minn 40 applikant, fosthom ukoll parteċipazzjoni femminili, huwa mfassal biex joffri taħlita bilanċjata ta’ tagħlim teoretiku u taħriġ prattiku fuq il-post. Il-komponent prattiku sar fil-lokalità tal-Fgura, fi ġnien Park l-Inħawi fejn il-parteċipanti taw kontribut konkret għal proġett ambjentali li qed jitmexxa minn Project Green.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard faħħar ir-rwol proattiv li qed twettaq il-BCA fis-salvagwardja ta’ sengħat tradizzjonali Maltin.
Huwa qal li inizjattivi bħal dawn mhux biss qed isaħħu l-kompetenzi fis-settur, iżda qed joħolqu wkoll valur miżjud li jgawdu minnu l-komunitajiet lokali, filwaqt li jiġu ppreservati elementi importanti tal-wirt kulturali tagħna.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, spjega li l-għan tal-kors huwa li jżid l-għarfien, irawwem kuxjenza, u jipprovdi taħriġ strutturat u ta’ kwalità f’din is-sengħa tradizzjonali. Huwa żied li l-parteċipanti li jlestu b’suċċess dan il-kors se jingħataw ċertifikat ta’ Livell 2, rikonoxxut bħala parti minn triq formali ta’ taħriġ fis-settur.
Is-Sindku tal-Fgura, Clayton Cascun Portelli, irringrazzja lill-BCA u lill-entitajiet involuti għal dan il-proġett, u sostna li dawn il-ħitan tas-sejjieħ se jagħtu dehra aktar xierqa u dinjituża lill-ispazju miftuħ, filwaqt li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja għall-komunità fil-lokal.
Ġie nnutat ukoll li l-ħitan qed jinbnew bl-użu ta’ ġebel riċiklat, li f’ċirkostanzi normali kien jispiċċa jintrema, iżda li qed jerġa’ jingħata użu sostenibbli permezz ta’ dan il-proġett. Minkejja n-numru sostanzjali ta’ parteċipanti, dawn ġew maqsuma fi gruppi iżgħar matul is-sessjonijiet prattiċi, sabiex jiġi assigurat approċċ kollaborattiv u li kull individwu jikseb il-ħiliet meħtieġa.
Dan it-taħriġ qed isir taħt is-superviżjoni diretta tat-tekniċi tal-BCA u jifforma parti minn impenn usa’ tal-awtorità biex tkompli toffri aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp professjonali fis-settur tal-kostruzzjoni, filwaqt li tappoġġja s-sostenibbiltà, il-kwalità u l-eċċellenza.


