Saturday, April 25, 2026

Dr Lydia Abela u Giorgia Mae jippreżentaw donazzjoni ta’ €20,000 lil Puttinu Cares

Fondi miġbura mill-attività Enchanted Easter kif ukoll mill-bejgħ tal-figolli Giolli

Aqra wkoll

Fil-Palazz tal-Girgenti, waqt laqgħa ma’ Rennie, Angele, iċ-ċkejkna Amy u ommha Valentina, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela flimkien ma’ bintha Giorgia Mae ppreżentaw donazzjoni ta’ €20,000 lil Puttinu Cares – fondi li nġabru mill-attività Enchanted Easter kif ukoll mill-bejgħ tal-figolli Giolli ta’ Giorgia Mae.

L-inizjattiva Enchanted Easter, flimkien mal-bejgħ tal-figolli, saru avveniment annwali mistenni minn ħafna.

Sena wara oħra, Enchanted Easter tiġbor flimkien familji, tfal u voluntiera fi spirtu ta’ solidarjetà u ġenerożità, biex flimkien joħolqu avveniment li jnissel il-ferħ fost dawk li jipparteċipaw u, fl-istess ħin, jissarraf f’għajnuna għal organizzazzjoni li tagħmel tant ġid ma’ ħafna familji.

F’din l-okkażjoni, Dr Lydia Abela qalet “Din id-donazzjoni hija frott il-qalb kbira ta’ tant nies li pparteċipaw f’din l-inizjattiva u li taw is-sehem tagħhom biex flimkien nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ familji li għandhom bżonn l-appoġġ tagħna.” Hija żiedet tgħid li l-appoġġ tan-nies f’din l-attività huwa sinjal ċar ta’ kemm is-solidarjetà għadha valur qawwi fost il-Maltin u l-Għawdxin.

Mart il-Prim Ministru rringrazzjat lil kull min ta s-sehem tiegħu biex Enchanted Easter setgħet issir realtà, kif ukoll lil Rennie u lil Angele għall-ħidma bla waqfien, id-dedikazzjoni, l-imħabba u s-sens ta’ tama li kontinwament inisslu fil-pazjenti u fil-familji tagħhom.

Min-naħa tagħhom, Rennie u Angele, f’isem Puttinu Cares, esprimew il-gratitudni tagħhom u saħqu li grazzi għall-appoġġ kontinwu li jingħataw twassal sabiex Puttinu Cares tkompli tkun ta’ sostenn għall-familji u l-pazjenti li jiddependu fuq l-għajnuna ta’ Puttinu fi żminijiet diffiċli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport