Wednesday, February 5, 2025

It-tragward tagħna bħala St George’s FC huwa wieħed b’saħħtu u ċar … il-promozzjoni – Matthew Gauci

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi ghall-isport, u iktar partikolari għall-futbol, nista’ ngħid li twelidt biha. Il-ġenituri tiegħi jgħiduli li minn mindu kont żgħir, qatt ma qbadt karozzi jew ġugarelli oħra biex nilgħab ħlief ballun minn dejjem. Dan jista’ jkun ħadtu min-DNA ta’ missieri għax minn dejjem kien sportiv fejn kien jilgħab il-basketball.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ St George’s FC.

Ma St. George’s FC qed tkun esperjenza sabiħa u pożittiva. L-isbaħ ħaġa li għandna hija l-għaqda u l-armonija fil-grupp, kemm bejnietna il-plejers kif ukoll mal-istaff tekniku u kumitat. Fejn hemm l-għaqda, hemm is-saħħa u dan qed jagħtina il-frott din is-sena.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala viċi-captain ta’ dan it-tim.

Bħala viċi-captain m’għandiex rwol partikolari. Bħala grupp ta’ plejers, qegħdin taħlita bilanċjata ta’ plejers żgħar fl-etá mimlija enerġija u bil-motivazzjoni li jitgħallmu, u grupp ta’ plejers b’daqsxejn iktar esperjenza. Bħala plejer ta’ iktar esperjenza fit-tim, jien nagħmel l-almu tiegħi kollu biex nagħti eżempju siewi lil sħabi l-plejers, kif ukoll ngħin u niggwida lill- plejers żgħar biex jimmassimizaw il-potenzjal tagħhom, ħalli għada pit’għada meta nirtira jien inkun nista’ nkompli nara lilhom jilagħbu.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragward tagħna huwa wieħed b’saħħtu u ċar – il-promozzjoni. It-tim qiegħed ikkonċentrat u mmotivat biex nilħqu dan it-tragward bis-saħħa u l-għaqda tal-grupp.

Kif tqis il-livell tan-National Amateur League fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell huwa wieħed tajjeb. Il-moviment ta’ diversi plejers f’dawn id-diviżjonijiet iktar baxxi qed iservi ta’ ġid biex il-livell ikompli jogħla, u anke l-introduzzjoni ta’ diversi żgħażagħ b’potenzjal tajjeb qed jgħin ukoll.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Kif ngħid lit-tfal fl-iskejjel, l-ewwel u qabel kollox għandek tipprattika kwalunkwe sport b’imħabba u passjoni. Meta tagħmel xi ħaġa mill-qalb, tħoss sodisfazjon akbar ġewwa fik u dan iservi ta’ motivazzjoni sħiħa biex iwasslek tegħleb ostakli kbar u tilħaq poteznjal li jaqtagħlek ix-xewqat li jkollok. Ovvjament, dan kollu dejjem b’umiltá u sagrifiċċju!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport