Monday, December 9, 2024

Ix-xogħlijiet fuq Ġnien is-Serenità ġewwa Santa Luċija waslu fi stadju avvanzat 

Aqra wkoll

It-trasformazzjoni tal-Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija, żona ta 2,289 metru kwadru u li sa ftit ilu kienet bla użu, qiegħda titwettaq b’ritmu mgħaġġel.

F’dan il-ġnien, li jinsab fin-nofsinhar ta’ Malta, Project Green qed taħdem fuq proġett ta’ spazju miftuħ li għandu l-għan li jtejjeb il-benesseri tal-komunità u joħloq rabta aktar b’saħħitha man-natura.

B’investiment ta’ aktar minn €500,000, Ġnien is-Serenità dalwaqt se joffri lir-residenti ta’ Santa Luċija ambjent trankwill u seren li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Dan se jsir permezz ta’ żona rikreattiva sostenibbli, fil-qalba tal-lokalità.

Fid-disinn ta’ dan il-Ġnien, Project Green qed tagħti prijorità lis-sostenibbiltà, kif tagħmel f’kull inizjattiva tagħha. Il-ġnien se jkun imżejjen b’72 siġra li se jkopru żona ta’ 150 metru kwadru, biex jipprovdu dell għal dawk li jżuru l-post.

Barra minn hekk, qed jinbnew mogħdijiet sostenibbli li jkejlu 232 metru, bil-għan li jinkoraġġixxu l-mixi u ċ-ċikliżmu fil-ġnien. Project Green qed tiżgura li 70% tal-materjali użati f’dan il-proġett jiġu miksuba b’mod sostenibbli, biex b’hekk jonqos l-impatt ambjentali u jiġi promoss l-iżvilupp ekoloġiku.

Madwar 2,300 resident li jgħixu f’inqas minn għaxar minuti mixi mill-ġnien se jkollhom l-opportunità li jibbenefikaw minn dan l-ispazju miftuħ, li ser iservi ta’ oasi fil-qalba ta’ żona urbana.

Minbarra s-siġar, il-ġnien se jkun imżejjen b’varjetà ta’ arbuxelli u ħwawar, li mhux biss itejbu l-bijodiversità lokali imma wkoll isebbħu l-ambjent. L-ispazju se jinkludi wkoll għadira serena, żona tal-logħob għat-tfal, teatru Grieg, u żoni fejn wieħed jista’ jagħmel picnic. B’hekk, il-ġnien ser joħloq ambjent fejn nies ta’ kull età jistgħu jistrieħu u jilagħbu f’ambjent naturali.

Il-Perit Jessica Galea, li qed tmexxi d-disinn tal-proġett, iddeskriviet il-viżjoni tagħha għal dan il-proġett: “L-għan tagħna għal Ġnien is-Serenità huwa li noħolqu santwarju ġewwa Santa Luċija, fejn ir-residenti jistgħu jistrieħu f’ambjent trankwill. Kull element – mill-mogħdijiet sal-għadira u t-teatru – ġie ddisinjat bil-ħsieb li jipprovdi spazju fejn wieħed jista’ jirrilassa filwaqt li jsaħħaħ ir-rabta tal-komunità mad-dinja naturali.”

Ladarba jitlesta, Ġnien is-Serenità huwa mistenni li jsir spazju komunitarju importanti għal Santa Luċija. Dan il-proġett se joffri taħlita unika ta’ natura, kultura u rikreazzjoni, li se tgħaqqad b’mod koeżiv lir-residenti mal-ambjent naturali.

Ekonomija

Sport