L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali appellat lill-pubbliku biex fejn jista’ u fejn hu possibbli jagħmel użu minn mezzi elettroniċi biex jagħmel il-ħlasijiet dovuti minnu.
Hija qalet dan permezz ta’ stqarrija wara li ġew innotati diversi kummenti li saru fuq il-midja soċjali b’rabta ma’ inċident li seħħ ġewwa l-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
Dan meta resident mar iħallas taħrika ta’ ċitazzjoni f’denominazzjoni ta’ ċenteżmu tal-ewro. Meta raw dan, il-ħaddiema tal-Kunsill irrifjutaw li jieħdu l-pagament.
L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali qalet li filwaqt li wieħed jista’ jargument li ladarba ċenteżmu tal-ewro huwa munita approvata fiċ-ċirkulazzjoni mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, irid jintwera wkoll rispett lejn il-ħaddiema u l-amministrattiv tal-Kunsill Lokali.
Hija għalqet billi kkundannat bla ebda riservi, id-diskors dispreġġattiv li ntuża fil-konfront tal-istess ħaddiema.