Thursday, October 10, 2024

€16-il miljun injettati fl-ekonomija sa issa bil-vawċers

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’perjodu ta’ ftit aktar minn xahar u nofs, diġà ġew injettati fl-ekonomija €16-il miljun f’vawċers tal-Gvern, b’€6 miljuni minnhom ikunu vawċers diġitali u l-kumplament (€10 miljun) ikunu vawċers printjati. Dan huwa ekwivalenti għal 500,000 tranżazzjoni li saru permezz tal-vawċers. 

Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri meta ta aġġornament dwar it-tieni skema tal-€100 vawċers tal-Gvern. Huwa qal li l-vawċers tqassmu lil persuni li għandhom ‘l fuq minn 16-il sena u huma residenti f’Malta. 

Huwa qal li l-vawċers tal-€10 jistgħu jintużaw fil-ħwienet tar-retail u s-servizzi, u l-vawċers tal-€15 jistgħu jintużaw fir-ristoranti u akkomodazzjoni. Il-baġit allokat għal din l-iskema kien ta’ €50 miljun.

Il-Ministru Schembri semma kif fl-ewwel edizzjoni tal-vawċers, ġie nnutat li kien hemm multiplier ta’ 2, jiġifieri ma’ kull ewro li ntuża mill-voucher, il-poplu Malti u Għawdxi uża €1 ieħor. B’hekk l-injezzjoni ta’ €45 miljun ħalliet l-effett fl-ekonomija ta’ €90 miljun. 

Intant, f’dan it-tieni sett ta’ vouchers, kien hemm medja ta’ madwar €390,000 f’vawċers kull ġurnata utilizzati mit-Tnejn sal-Ħamis filwaqt li l-medja ta’ użu bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd kien dak ta’ €624,000 kull ġurnata. 

Il-Ministru Schembri żied jispjega li bħala vawċers ħomor intużaw €9.2 miljun filwaqt li l-vawċers blu intużaw €6.9 miljun. It-total ta’ ħwienet madwar il-pajjiż li jaċċettaw il-vawċers jammontaw għal 6,677. 

Il-Ministru Schembri tkellem ukoll dwar id-distribuzzjoni tal-vawċers printjati bil-posta, liema proċess ġie konkluż nhar is-Sibt 4 ta’ Lulju. It-total ta’ nies eliġibbli għall-vawċers kien dak ta’ 328,503 persuna.

L-ammont ta’ nies li nstabu d-dar u ffirmaw għall-vawċers jew li marru huma stess jiġbruhom mill-fergħat tal-posta, kien hemm 290,652. Dan ifisser li fadal 37,851 persuna li għadhom ma ġabrux il-vawċers tagħhom. 

Il-Ministru Schembri semma wkoll li f’ċirkostanzi fejn residenti barranin kien skadielhom il-permess ta’ residenza iżda kienu applikaw sal-31 ta’ April biex dan jiġi mġedded, dawn ukoll qed jinħarġilhom il-vawċers.

B’kollox, sa issa ġew imwieġba 33,311 telefonata mill-helpline 8007 4904. Dan filwaqt li kienu mwieġba mal-11,600 email f’dan il-perjodu. 

Sport