Dorian Grech ta’ 24 sena residenti Santa Venera kien ikkundannat sena u sitt xhur ħabs wara li ammetta li pprova jisraq minn stabbiliment fil-Marsa. Il-każ seħħ fl-Ewwel tas-Sena, għall-ħabta tal-10.30 p.m., fi Triq it-Tiġrija.
Grech wieġeb ħati wkoll li żamm żewġ persuni kontra l-volontà tagħhom u li kellu sikkina fil-pussess tiegħu mingħajr liċenzja jew permess tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkunsidrat l-ammissjoni tiegħu, il-fatt li kkopera mal-pulizija, u li kien qed jitlob l-għajnuna u saħansitra jirrikonoxxi li hemm bżonn l-inkarċerazzjoni biex matulha jagħmel sforzi akbar sabiex jikkumbatti l-vizzju tad-droga li ma jistax jinħeles minnu minkejja bosta tentattivi.
Ittieħdet konsiderazzjoni wkoll tan-natura tar-reati u l-fatt li Grech, għalkemm m’għandux xi fedina penali li toħloq tħassib, ma kinitx l-ewwel darba tiegħu li xellef difrejgħ mal-ġustizzja.
Il-Qorti qalet li filwaqt li fis-serq kien hemm biss tentattiv, mhux l-istess jista’ jingħad għall-akkuża tas-sekwestru tal-persuni, liema reat ġie kkunsmat.
Kien għalhekk li sabitu ħati u kkundannatu 18-il xahar priġunerija li minnhom għandu jitnaqqas iż-żmien li għamel taħt arrest preventiv.
Il-Qorti poġġiet ukoll lill-ħati taħt ordni ta’ trattament għal żmien tliet snin sabiex minnufih jingħata l-għajnuna kollha neċessarja sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga, inkluż bi programm residenzjali ġaladarba s-seba’ tentattivi l-oħra biex isegwi programmi volontarji fallew totalment.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Andy Rotin.