Wednesday, December 25, 2024

Jasal fl-aħħar fażi l-proġett ta’ restawr tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina taż-Żejtun

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, żar il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina taż-Żejtun, fejn wasal fl-aħħar fażi tiegħu proġett ta’ restawr. Ix-xogħol fuq dan il-proġett mistenni jitlesta sal-ewwel nofs tas-sena d-dieħla, u qed isir b’investiment ta’ nofs miljun ewro.

“Dan ir-restawr jirrifletti l-impenn ċar tal-Gvern biex isir ħarsien effettiv tal-wirt storiku ta’ pajjiżna. Huwa xhieda konkreta tal-investiment fit-tisħiħ tal-identità u l-patrimonju kulturali tagħna, li se jibqa’ jitgawda u jibqa’ jiġi apprezzat mill-ġenerazzjonijiet futuri,” stqarr il-Ministru Bonnici.

Id-Direttur tad-Direttorat tar-Restawr u Preservazzjoni, il-Perit Mark Azzopardi, spjega li x-xogħol jinkludi t-tneħħija ta’ materjali li qed jagħmlu ħsara lill-ġebla, it-tindif, it-tikħil ta’ fili miftuħa u r-restawr tal-lavur, skultura u gwarniċuni, u restawr tal-aperturi, fost interventi oħra.

Dan ix-xogħol qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-perit imqabbad mill-Parroċċa u d-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni, li ddisinja s-sejħa għall-offerti u qiegħed isegwi l-proċess kollu bl-esperti tiegħu.

Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius u l-Arċipriet Dun Anton Galea-Scannura.

Ekonomija

Sport