Monday, March 17, 2025

Jason Azzopardi b’attakk estrem fuq il-ġudikatura

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Dalgħodu erġajna assistejna fil-Qrati tagħna għal attakk mill-aktar estrem. Din id-darba mess lill-ġudikatura nnifisha.” Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela waqt li llejla kien qiegħed jindirizza l-Parlament hekk kif bdiet id-diskussjoni dwar il-mozzjoni biex tikkundanna l-aġir fil-konfront tal-Ispeaker. Għal din is-seduta l-Oppożizzjoni għażlet li titlaq ‘il barra.

Il-Prim Ministru qal li dak li qed nassistu għalih huwa ċirkostanza li għandha ħafna affarijiet li jixxiebħu. “F’din il-kamra l-Memrbu Parlamentari tal-Oppożizzjoni jattakka lis-sedja, u fil-Qrati, eks Deputat tal-Partit Nazzjonalista jattakka fl-awla lill-ġudikatura nnifsiha. Dalgħodu meta quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberra nstema appell minn waħda mill-inkjesti kattivi li nfetħu fil-jiem tal-Milied kontra l-Ministri, kontra n-nisa tagħhom u membri taċ-ċivil… Jason Azzopardi għoġbu jattakk lill-Maġistrat Bridget Sultana li l-ġimgħa l-oħra tat deċiżjoni li hu ma jaqbilx magħha,” qal il-Prim Ministru Abela.

Kompla jgħid li Azzopardi mhux biss ikkontesta d-deċiżjoni għax din il-Maġistrat għażlet li ma taqbilx mat-teżi li ressaq quddiemha, talli akkużha li hi kompliċi fit-twettieq ta’ reat.

Aktar minn hekk, Azzopardi akkuża Maġistrat oħra li m’għandha x’taqsam xejn mal-każ fejn allega li fil-verita kienet hi li kitbet is-sentenza u mhux il-Maġistrat li quddiemha kien qed jinstema’ l-każ.

L-eks Deputat Nazzjonalista dwar dan talab li tinfetaħ investigazzjoni fuq żewġ Maġistrati.

“Dalgħodu waqt li kien qiegħed jinstema l-appell, l-istess eks Deputat Nazzjonalista talab li jinħatar espert tal-informatika biex jeżamina l-laptops tal-Maġistrati biex jeżamina jekk kinitx maġistrat jew oħra li kitbet id-deċiżjoni,” kompla jiżvela l-Prim Ministru llejla fil-Parlament.

Stqarr li ma jistax ikun li “nibqgħu siekta u nħallu lill-ġudikatura tibqa’ tiġi suġġetta għal dawn l-attakk… bl-istess mod li s-Sedja m’għandhiex kif tiddefendi lilha nnifisha, il-ġudikatura minn dak l-attakk li sar fuqha dalgħodu m’għandhiex kif tiddefendi lilha nnifisha.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport