Huwa fatt innegabbli li f’dawn l-aħħar snin, l-infrastruttura ġenerali, hi ta’ liema xorta hi, ingħatat spinta li qed tkompli tagħmel minn pajjiżna wieħed modern li qed jaħseb ukoll fil-ġejjieni. Mhux biss, imma t-titjib infrstrutturali li qed iseħħ, parti minnu għandu l-għan li jsolvi u jirrimedja għal mankanzi u diskrepanzi li tħallew jakkumulaw għal snin sħaħ bħalma hi l-problema tat-traffiku u tal-għargħar fl-Imsida.
Fil-konfront ta’ problemi bħalma huma dawn, il-Gvern mhux biss ma qatax qalbu imma affrontahom b’kuraġġ kif jidher mill-proġett innovattiv imsejjaħ Msida Creek. Dan il-proġett mhux biss ġie mtellaq imma wkoll issa dieħel fit-tieni fażi tiegħu u jekk jinżamm ir-ritmu li x-xogħol miexi bih, dan il-proġett se jkun tlesta fil-ħin stipulat.
Kulħadd irid iżomm quddiem għajnejh u japprezza li proġetti kbar bħal dawn jinħtieġu l-koperazzjoni tal-pubbliku biex kollox jimxi sew u jsir kif għandu jsir. Għalhekk, anki f’dan il-każ, inħeġġu l-pubbliku biex jieħu l-parir ta’ Infrastructure Malta li qed titlob lis-sewwieqa biex jippjanaw il-vjaġġi tagħhom minn qabel u jsegwu s-sinjali fuq il-post. Jekk xejn, dan għandu jsir biex jiġi evitat dewmien bla bżonn li jista joħloq l-ostakli.
Wieħed għandu japprezza wkoll li waqt ix-xogħol ta’ kostruzzjoni tal-Proġett tal-Imsida Creek ikun mistenni xi tibdil fir-rotot ta’ kuljum spejalment hekk kif il-proġett javvanza. Il-proġett, li beda f’Novembru tal-2024, għandu l-għan ewlieni li jtejjeb il-konnettività taż-żona permezz ta’ korsiji ddedikati għall-mixi u ċikliżmu, toroq ġodda, u moll b’disinn ġdid tul il-waterfront tal-Imsida. Ma’ dan hemm ukoll l-isforz biex jonqos l-għargħar meta tagħmel ix-xita.
Il-Gvern investa wkoll fuq sorsi rinnovabbli filwaqt li għaddejjin studji u ħidma għal proġetti oħra fosthom dak tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija.
Għalhekk irridu napprezzaw il-ħidma u l-isforzi li qed isiru min-naħa tal-Gvern u l-awtoritajiet kompetenti biex proġetti ta’ dan il-kobor, bħal dak tal-Imsida Creek, iħallu l-frott li għalih ikunu ġew ippjanati. Wieħed irid jiftakar li waqt li għaddej dan l-investiment massiċċ, il-kontijiet tad-dawl baqgħu irħas u t-taxxi ma żdidux.