Wednesday, March 27, 2024

Jeħel il-ħabs wara li seraq ġojjellerija u flus minn dar f’Raħal Ġdid

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Raġel ta’ 36 sena ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li seraq flus u ġojjellerija minn dar ta’ mara waqt li kienet fuq vaganza, fi Triq il-Kanonku Carmel Bologna, f’Raħal Ġdid.

Fil-Qorti nstema’ kif il-każ imur lura għal Diċembru tal-2017, meta għand il-Pulizija rapport għall-ħabta tat-3:00 a.m, li mara li kienet għadha kemm irritornat lura d-dar mis-safar, sabet ġojjellerija u flus nieqsa fir-residenza tagħha f’Raħal Ġdid. Dawn kellhom valur ta’ €50,000 u l-flus misruqin jammontaw għal €3,000.

Fil-Qorti l-vittma spjegat li ma kienx hemm ħerba fid-dar tagħha meta rritornat. L-ewwel ħaġa li nnutat kienet ġakketta mal-art u li kellha basket nieqes. Qalet li meta ċċekjat il-ġojjellerija ntebħet li ma kien għad fadal xejn minnhom. Żiedet tgħid li rnexxielha tidentifika lill-imputat, minħabba li kien jaħdem ma’ iben il-ġara tagħha.

L-imputat ġie identifikat minn cameras tas-sigurtà li kien hemm mal-istess dar. Dak iż-żmien, Aaron Steven Stewart Edward Ritchie ta’ 36 sena kien qiegħed imfittex mill-Pulizija.

Il-Qorti nnutat il-fedina penali twila tal-akkużat. Minbarra li ingħata sentenza ta’ ħames snin priġunerija, ġie ordnat iħallas €2,679 fi spejjeż tal-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Hubert Cini. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.

Ekonomija

Sport