Tuesday, December 24, 2024

Il-PM jappella għall-osservanza tal-miżuri fis-seħħ flimkien mat-teħid tal-booster

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela għal darb’oħra appella għar-responsabiltà li wieħed isegwi l-ftit miżuri li għad hemm fis-seħħ fosthom tal-ilbies tal-maskla u tad-distanza soċjali, iżda b’mod speċjali li jaċċetta l-istedina biex jieħu l-booster dose biex nibqgħu nippreservaw dak li ksibna.

Waqt li kien qed jiġi intervistat matul il-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-Partit Laburista, Dr Abela qal: “Irridu nifhmu li dan il-Milied mhux l-istess li kelna qabel ma’ bdiet il-pandemija u fi żmien ta’ qabel għax ir-realtà hija li l-pandemija baqgħet magħna, li bil-miżuri li ħadna pajjiżna irnexxielna nżommuha taħt kontroll.” Qal li huwa kruċjali li wieħed jibqa’ josserva l-miżuri fis-seħħ għax jekk nosservaw dan, flimkien mat-teħid tal-booster dose, jemmen li jista’ jkollna Milied u xhur ta’ wara tajbin.

Dwar il-pandemija, il-Prim Ministru qal li bir-raġun li n-nies jitkellmu fuqha għax għadha magħna u qal li din mhix xi ħaġa li se titlaq mil-lum għal għada. Għaldaqstant, sostna kemm hi kruċjali r-responsabiltà. 

Qal li f’pajjiżna għandna sitwazzjoni stabbli għaliex ġie mwettaq pjan ta’ vaċċinazzjoni li mexa tajjeb ħafna u rata ta’ nies li ħadu l-vaċċin tajba ħafna hekk kif inhi ta’ 93%. Żied jgħid imma li huwa importanti ħafna li l-pubbliku jaċċetta l-istedina biex jieħdu d-doża tal-booster għax hu kruċjali għaliex sostna li llum aktar minn qatt qabel l-evidenza xjentifika turi li l-vaċċin jaħdem, illi huwa s-soluzzjoni għall-pandemija u jekk irridu ngħixu kif qed ngħixu illum, qrib in-normalità, wieħed għandu jirrikorri u jieħu d-doża addizzjonali.

Dwar il-ħidma tal-gvern, Abela qal li minkejja l-pandemija baqgħu għaddejin bl-istess rittmu, jekk mhux iżjed. Hawnhekk semma diversi bidliet li qatt ma saru bħalhom, liema bidliet ġew imfaħħra mill-Kunsill Ewropew, fost oħrajn.

Dan imsejjes mal-fatt li l-gvern minn dejjem għen lin-negozji u lin-nies billi introduċa diversi miżuri u ma ħallihom qatt weħidhom.

Qal li huma mhumiex dak il-partit li min ma jaqbilx magħhom jgħidulu ‘mixtri bħal referee’. Dwar dan qal li anzi min ma jaqbilx magħhom jieħu pjaċir jiltaqa’ u jpoġġi bilqiegħda magħhom biex jitgħallem minn dawn l-esperjenzi tan-nies.

Dwar il-ħidma ambjentali qal li għal dan il-gvern l-ambjent huwa ta’ prijorità għax huwa essenzjali fit-titjieb tal-kwalità tal-ħajja tan-nies. Semma diversi eżempji tal-proġetti li twettqu fosthom tal-proġett ta’ Wied Fulija u l-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.

Fost l-oħrajn, semma l-qalba li minn powerstation li taħdem bil-heavy fuel oil għal waħda li taħdem bil-gas naturali li tfisser tnaqqis ta’ emissjonijiet għoljin. 

Abela tkellem ukoll dwar titjib fil-kwalità tal-ħajja u dwar il-ħidma soċjali, fejn stqar li dik hija waħda importanti għalih. F’dan ir-rigward semma skema importanti li tħabbret ftit tal-ġimgħat ilu – dik tan-New Hope. Kif kien imħabbar, permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern se jkun garanti biex individwi bi kwistjonijiet mediċi jew b’diżabilità jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom. Nifs ġdid u tama lil żgħażagħ li kienu qed isibu l-bieb magħluq minħabba d-diżabilità.

Fost l-oħrajn tkellem ukoll dwar il-budget li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu b’miżuri soċjali b’saħħithom fejn ingħatat ukoll attenzjoni lejn il-pensjonanti. Qal li dan kien budget li irrifletta l-viżjoni li għandhom bħala gvern.

Qal li jemmen fl-importanza ta’ partit li jibqa’ wieħed ħaj u xprun tal-ideat. Tkellem ukoll dwar il-fatt li jkunu partit inklussiv u parti li ma jeskludi lil ħadd. Appella biex kull min hu ġenwin u ta’ rieda t-tajba, jersaq ‘il quddiem.

Ekonomija

Sport