Sunday, December 22, 2024

Jibdew jaslu l-pagamenti ta’ bosta miżuri soċjali

Aqra wkoll

Minn nhar is-Sibt li ġej, eluf ta’ familji, pensjonanti, u tfal se jibdew jirċievu l-ewwel pagamenti, marbuta maċ-Children’s Allowance, l-Għajnuna għal tfal b’diżabilita’, l-Għajnuna Supplimentari u l-Għajnuna Finanzjarja għal dawk il-persuni mingħajr indirizz fiss.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għas-Solidarjeta’ u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Permanenti Mark Musu. Il-pagamenti li se jingħataw is-Sibt li ġej, ikopru l-ewwel tliet xhur tas-sena 2022.

Il-Ministru Michael Falzon spjega kif issa saret prassi normali kif jitqassmu numru ta’ pagamenti qabel iż-żmien, dan sabiex inħallu aktar flus fil-bwiet tal-familji tagħna, f’dawn iż-żminijiet ta’ festi. Filfatt din is-sistema ta’ ħlasijiet qabel iż-żmien mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, bdiet titħaddem mis-sena 2013 l’hawn.

”Kemm huwa mportanti li nkomplu ntejjbu s-soċjeta’ tagħna, irridu nkunu hemm għal 95,000 pensjonant, għat-tfal, inkluż dawk b’diżabilita’, għal persuni bla ndrizz fiss fost oħrajn. Irridu nwasslu l-messaġġ li dejjem hemm xi ħadd li tista ddur fuqhu anke jekk għandek diffkultajiet. Mhux bilfors għandna soluzzjoni ghal kulħadd imma żgur li se nippruvaw ngħinu lil kulhadd”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministru Michael Falzon żied jgħid illi fattur importanti li ħareġ huwa li għalkemm kompla jikber il-kejk ekonomiku, fl-istess waqt komplew jonqsu in-nies dipendenti fuq benefiċċji soċjali. Filfatt statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatika (NSO), tikkonferma li ġie rreġistrat rekord ġdid fl-anqas numru ta’ persuni dipendenti fuq l-assistenzi soċjali qatt reġistrat. Minn 13,949 f’Dicembru tal-2013, issa dawk dipendenti fuq benefiċċji soċjali niżlu għal 6,243 persuna matul Diċembru ta’ din is-sena. Dan ifisser li naqsu aktar minn nofs dawk dipendenti fuq għajnuna socjali.

Is-Segretarju Permanenti Mark Musu, spjega permezz ta’ preżentazzjoni dettaljata, liem huma dawk il-persuni li se jkunu qed jirċievu pagamenti qabel iż-żmien minn nhar is-Sibt li ġej. Tkellem dwar kif il-familji, it-tfal u l-pensjonanti huma huma fost dawk li l-aktar li se jibbenefikaw minn dawn il-miżuri.

Żidiet fir-rati tas-supplimentari

Il-pensjonanti, l-anzjani u persuni li jistgħu jkunu fl-impjieg jekk ma jkollhomx tfal taħt is-sittax il-sena jew jieħdu l-Assistenza Soċjali huma fost dawk li se jibbenefikaw minn żidiet fl-għajnuna supplimentari. 28,740 persuna se jgawdu minn dawn iż-żidiet, li se jvarjaw bejn €3.47 u €6.50 fil-ġimgħa. 

Fl-2006, in-nefqa fuq dawn il-benefiċċji kienet ta’ €5.74 miljun u issa fl-2022 din telgħet għal €17.5 miljun. Ħafna minn dawn il-benefiċċjarji huma pensjonanti u għalhekk se jkunu qed igawdu minn żidiet adizzjonali fil-pensjonijiet tagħhom minn Jannar li ġej.

Il-familji jibdew jirċievu pagamenti għas-sena 2002 minn din il-ġimgħa

44,656 familja se jirċievu pagamenti taċ-Children’s Allowance, għall-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla. Benefiċċju li minnu se jibbenefikaw b’kollox 67,000 tifel u tifla. Se jkun jinkludi mill-ġdid is-Suppliment tat-Tfal ta’ €70 jew €50 fis-sena kull wild li beda jingħata minn din is-sena.

Koppji li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx il-€25,318 s’issa ibbenefikaw minn żieda ta’ €166 fuq kull wild. Żidiet fin-nefqa ta’ dan il-benefiċċju ammontaw għal aktar minn €3 miljuni.

Intant l-Allowance għal Tfal b’Diżabilita’ se jkun qed jiżdied b’€5 biex b’hekk issa din l-għajnuna titla’ għal €30 fil-ġimgħa jew ekwivalenti għal €1,560 fis-sena. Dan il-benefiċċju se jitħallas flimkien maċ-Children’s Allowance.

Benefiċċju għal persuni bla indirizz fiss

Minn nhar is-Sibt 11 ta’ Diċembru se jintbgħatu wkoll pagamenti għal dawk il-persuni mingħajr indirizz fiss. Ħafna drabi dawn il-persuni ma kienx qed ikollhom aċċess għal dawn il-benefiċċji iżda issa se jkunu qed jieħdu pagamenti bħal kull persuna oħra, wara bidliet loġistiċi li saru b’kollaborazzjoni mal-FSWS. FIlfatt l-FSWS tieħu ħsieb it-tħaddim ta’ din is-sistema u tkun f’kuntatt dirett mal-persuni intittolati għal dan il-benefiċċju.

Il-Ministru Michael Falzon ikkonkluda u qal illi iktar ma’ jgħaddi żmien, in-nies qed jemmnu fil-politika soċjali ta’ dan il-Gvern li dejjem qed tilħaq aktar nies. Insista dwar l-importanza li li l-ġid qed tkompli tinfirex f’kull faxxa tas-soċjeta’, speċjalment fejn hemm l-aktar bżonn.

”Kommessi li nibqgħu nsaħħu l-qasam soċjali u ninvestu aktar miljuni t’ewro għax nemmnu f’dan it-tkattir ta’ ġid. Din hija l-politika li hemm bżonn t’aktar investiment, u li tibqa’ tiġġedded  u li tkompli tilqa’ għall-bidliet u r-realtajiet soċjali  ta’ pajjiżna”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport