Saturday, December 21, 2024

Jibdew jitqassmu l-vouchers għall- 2,200 cat feeders f’allokazzjoni ta’ €350,000

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said ħabbru li mil-lum, l-1 ta’ Ottubru, se jibdew jitqassmu l-vouchers għall-cat feeders.

Ġie spjegat li d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ġabar informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali tar-reġistrazzjoni tal-cat feeders u l-ammont ta’ qtates stray li jitimgħu. F’dan l-eżerċizzju ġew irreġistrati ftit aktar minn 2,200 cat feeder madwar Malta u Għawdex. L-allokazzjoni ta’ €350,000 għal din l-iskema ġie mqassam skont in-numru ta’ cat feeders irreġistrati, fejn kull Kunsill Lokali rċieva numru ta’ vouchers biex iqassmuhom mal-cat feeders skont ir-reġistru tagħhom.

Il-Ministru Anton Refalo qal, “Din l-inizjattiva hija importanti mhux biss għaliex issa għandna reġistru ta’ cat feeders, iżda wkoll għaliex permezz ta’ dan, ser naraw li noffru l-għajnuna lil dawk li jitimgħu ta’ kuljum numru ta’ qtates, madwar Malta u Għawdex. Din hija turija ċara oħra kemm dan huwa Gvern li jisma’, Gvern li jwettaq dak li jwiegħed. Inħares ’il quddiem sabiex flimkien nibqgħu naħdmu għall-ġid tal-annimali.”

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet, “Dan huwa Gvern li qiegħed juri biċ-ċar li huwa qrib taċ-ċittadin u qiegħed ikompli jagħti l-għajnuna fejn hemm bżonn. Aħna nemmnu fil-kontribut li qegħdin jagħtu l-cat feeders fis-soċjetà tagħna u se nkomplu nagħtuhom l-appoġġ tagħna biex ikomplu jwettqu aktar ġid,” qalet Bugeja Said. Hija temmet billi rringrazzjat lill-cat feeders kollha għad-dedikazzjoni tagħhom fejn jidħol il-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali.

Id-Direttur tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Joseph John Vella, semma’ l-proċess ta’ kif inġabret l-informazzjoni tal-cat feeders li qed jieħdu ħsieb madwar 36,000 qattus stray madwar Malta u Għawdex. Huwa ħeġġeġ lill-cat feeders kollha li rreġistraw għal din l-iskema sabiex imorru jiġbru l-vouchers tagħhom mill-Kunsilli Lokali rispettivi tagħhom.

Il-vouchers għall-cat feeders jistgħu jinġabru mil-lum l-1 ta’ Ottubru u jistgħu jissarrfu sal-aħħar ta’ Ottubru mil-lista disponibbli mill-Kunsilli Lokali ta’ stabbilimenti rreġistrati għal din l-iskema.

Ekonomija

Sport