Friday, November 15, 2024

Jibqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li saq fuq sieq ta’ surġent tal-Pulizija

Aqra wkoll

Etienne Buttigieg li joqgħod Birżebbuġa baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li kkawża ġrieħi gravi wara li saq fuq sieq ta’ surġent tal-Pulizija.
L-Ispettur Dorianne Cuschieri li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni spjegat quddiem il-Maġistrat Dr Natasha Galea Sciberras li fis-16 ta’ Settembru kien daħal rapport li mara ma setgħetx toħroġ il-karozza mill-garaxx minħabba li kien hemm vann ipparkjat.

Hekk kif il-pulizija marru fuq il-post mill-ewwel kellmu lil Buttigieg fejn sostna li l-vann kellu xi ħsara u kien qed jipprova jirranġah biex ikun jista’ jneħħih minn quddiem il-garaxx. Il-pulizija nnutaw li l-pjanċi tal-vann ma kinux qegħdin jaqblu ma’ dawk irreġistrati.

Sakemm il-pulizija kienu fuq il-post, Buttigieg irnexxielu jirranġa l-vann, iżda l-istess uffiċjali tal-pulizija ordnaw lill-imputat biex ma jsuqx sakemm ilestu l-investigazzjonijiet.

Kien hawn li l-imputat allegatament injora l-ordinijiet tal-Pulizija u filwaqt li pprova jitlaq minn fuq il-post, Surġent tal-pulizija pprova jżomm mal-mera tal-ġenb tal-vann biex jipprova jwaqqaf lil Buttigieg milli jsuq. L-imputat baqa’ jsuq bil-konsegwenza li rifes sieq is-Surġent u kkaġunalu ġrieħi gravi fil-pala ta’ siequ.
Il-pulizija talbu għal mandat ta’ arrest fejn saret tfittixija għal akkużat f’Birżebbuġa, f’Ħal Kirkop u ż-Żejtun. Il-Ħadd li għadda, Buttigieg instab f’farmhouse fiż-Żejtun.

Filwaqt li Buttigieg wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest liema talba sabet oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni. L-Ispettur Dorianne Cuschieri qalet li l-fedina penali tal-imputat hija waħda kkulurita wara li diġà nstab ħati fuq akkużi simili marbuta ma’ uffiċjali pubbliċi.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Ekonomija

Sport