Monday, May 13, 2024

Jidħlu 15-il kriżi serja f’temp ta’ sagħtejn

Il-psikjatra Mark Xuereb fil-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali jisħaq li kulħadd għandu dritt ugwali għall-kura

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-pandemija globali tal-Covid-19 ħalliet impatt kbir fuq is-saħħa mentali tan-nies madwar id-dinja kollha. L-aktar gruppi affetwati mill-kriżi jinkludu ħaddiema tas-saħħa, frontliners, studenti, persuni li jgħixu waħidhom u dawk li diġà kellhom problemi ta’ saħħa mentali. Bħal-lum niċċelebraw il-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali u t-tema għal din is-sena hija “Saħħa Mentali għal Kulħadd: Ejja Nagħmluha Realtà”.

Dott Mark Xuereb, Kap tal-Crisis Resolution Malta, ikkonferma ma’ dan is-sit l-ammont kbir ta’ persuni li qegħdin ibatu minn dipressjoni tant li f’temp ta’ sagħtejn, il-Crisis Resolution Malta daħlulha 15-il kriżi serja ħafna u fl-istess jum dan il-psikjatra sab klinika mimlija nies fil-bżonn tal-għajnuna tiegħu.


Dott. Mark Xuereb huwa psikjatra li jmexxi l-Crisis Team, iffonda l-Kriżi App u huwa lecturer fl-Università ta’ Malta.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) ta’ kull sena nhar l-10 ta’ Ottubru tiċċelebra dan il-jum li fih il-gvernijiet madwar id-dinja jżidu l-għarfien u jimpenjaw ruħhom biex ikun hemm aktar għajnuna lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.

Waqt l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa mtella’ fl-2021 kien hemm sens ta’ ottimiżmu hekk kif il-gvernijiet irrikonoxxew il-bżonn li jżidu l-kwalità tas-servizzi offruti fil-livelli kollha tal-qasam tas-saħħa mentali. Barra minnhekk, pass pożittiv ieħor imħabbar f’din l-assemblea huwa li xi pajjiżi sabu modi ġodda biex jipprovdu kura tas-saħħa mentali għall-popolazzjoni tagħhom.

Il-kriżijiet li daħlu lil Crisis Team f’temp rekord ta’ sagħtejn huma mifruxa fuq spektrum wiesgħa ta’ diffikultajiet li s-soċjetà tagħna qiegħda tiffaċċja li jinkludu problemi ta’ saħħa mentali minħabba dubji, insigurtà; separazzjonijiet, diffikultajiet kbar finanzjarji, tal-ġeneru, dwejjaq minħabba storbju, ġlied fuq il-post tax-xogħol; intoppi minħabba diżabiltajiet; trawmi fit-tfal, diffikultajiet ta’ ġenituri li qegħdin irabbu, kif ukoll ansjetà qawwija minħabba proċeduri fil-Qorti.

“Xi kultant tħossok qisek ħanżir?”

Dott Mark Xuereb ħabbar dawn id-diffikultajiet li daħlu lill-Crisis Team biex iqajjem aktar għarfien jgħadddi messaġġ qawwi dwar is-serjetà tas-sitwazzjoni tas-saħħa mentali f’pajjiżna. Dawn il-kriżijiet reali tajjeb li wieħed jirrifletti fuqhom. Aktar minnhekk, biex pajjiżna wkoll, kif qiegħda titlob id-WHO, iżid il-kwalità u s-servizzi u jagħmilhom aċċessibbli għal kulħadd.

Mingħajr ma jinsulta lil ħadd, Dott Xuereb staqsa, “intom xi kultant tħossukom qiskom ħnieżer?”. Dan qalu bil-premessa li din is-sena s-saħħa mentali u l-ħnieżer huma moda fejn fil-fatt id-WHO u d-ditta “Angry Birds” bdew inizjattiva b’tournament kompettittiv fuq l-Internet li fih suġġerimenti ta’ kif wieħed iżomm lilu nnifsu b’saħħtu psikoloġikament.

“Angry Birds” hija logħba b’għasafar irrabjati li jsalvaw il-bajd taż-żgħar tagħhom minn periklu ta’ ħnieżer ta’ lewn aħdar. Id-WHO biex timmira lejn il-persuni li anke minħabba l-pandemija qegħdin iqattgħu ħafna ħin quddiem skrin ta’ kompjuter, qiegħda torganizza tournament internazzjonali b’xejn inqas minn 20 logħba ġdida ta’ din is-sensiela popolari.

“Però ħa nkunu ċari, dawn il-ħnieżer huma abbużati hekk kif l-għasafar irrabjati jitfgħulhom il-balel u ċnagi fuqhom. Dawn il-ħnieżer mhumiex bħal dawk fil-ktieb “Animal Farm” u huma inqas ugwali mill-għasafar fil-logħba Angry Birds. Dawn il-15-il każ li qegħdin insemmu llum ukoll għandhom inqas opportunitajiet minn dawk li jbatu minn problemi ta’ saħħa fiżika. Huma kif jgħid l-Ingliż, the unequals,” spjega dan il-psikjatra.

Il-Kap tal-Crisis Team semma’ karattri ħnieżer oħra popolari bħala eżempji fosthom lil “Piglet” mis-sensiela ta’ Winnie the Pooh li għalkemm huwa ħelu u bravu, huwa timidu ħafna; u lil “Peppa Pig” li fi kliemu, hija l-anġlu u x-xitan għal kull ġenitur f’sensiela li turi l-ideal ta’ familja magħquda u li jinħabbu.

“Bħal Piglet u Peppa dawn il-15-il każ ikollhom diffikultajiet biex jiffaċċjaw ċerti kriżijiet. Dawn mhumiex skart tas-soċjetà. Għandhom qalb u moħħ. Għandhom min iħobbhom u għandhom aspirazzjoniijiet u tama bħal kull wieħed u waħda minna. Bħal Piglet u Peppa huma jiffaċċjaw il-kriżijiet ta’ kuljum. Huma b’saħħithom u dgħajfin f’fażijiet differenti ta’ ħajjithom u wkoll jippruvaw jegħlbu l-biżgħat tagħhom. Huma wkoll, xi drabi, jippruvaw jitlobu l-għajnuna ta’ ħaddieħor,” sostna Dott. Xuereb.

Il-Kap tal-Crisis Team qal li, “b’mod metaforiku, xi ftit jew wisq, ikoll kemm aħna ħnieżer f’xi stadju jew ieħor tal-ħajja”. Hawn semma’ wkoll il-karattru ta’ “Piggy” fil-ktieb “Lord of the Flies” ta’ William Golding. 

“Dawn il-15 ukoll għandhom il-potenzjal biex jaħsbu, jirriflettu u biex jaraw il-loġika tal-ħajja però, inċidenti fil-ħajja forsi ġeo politiċi, l-ekonomija, l-ambjent soċjali, il-Covid-19, l-iżolazzjoni, il-vizzji u l-ġenetika fost l-oħrajn, jistgħu jiddeterminaw jekk dawn il-15-il każ u oħrajn isiru dawk il-ħnieżer ħodor ta’ Angry Bird, jew inkella jsiru l-ħnieżer tal-karattri li semmejna,” kompla l-psikjatra.

Hawnhekk huwa ppreżenta d-domandi – kif wieħed jista’ jdawwar lil dawn il-15-il persuna bħall-karattri ta’ Piglet u Peppa Pig mingħajr il-preġudizzju tal-karattri ħnieżer oħrajn? Kif wieħed jista’ jagħmel l-aċċess għas-saħħa mentali bħal dik tas-saħħa fiżika? Kif tista’ ssir realtà, hekk kif jgħid l-islogan tad-WHO għall-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali 2021, li l-kura tas-saħħa mentali tkun għal kulħadd?

Dott Mark Xuereb elenka lista ta’ xewqat li għandu bħala professjonist fil-qasam li ta’ kuljum jara u jmiss ma’ problemi ta’ saħħa mentali:

* Ikollna Ministru b’portafolio speċifiku ħalli nikkombattu s-suwiċidju u s-self harm bħalma hemm għal dawn l-aħħar sentejn fir-Renju Unit;

* Jinħatar Kumitat Nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u tas-self harm magħmul minn stakeholders u esperti varji, kif ukoll min-nies li għaddew minn din it-trawma; 

* B’hekk, inkunu nistgħu nimplimentaw l-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, li diġà hija mfassla u disponibbli;

* Nipproduċu White Paper li l-għan tagħha jkun li nwaqqfu s-suwiċidju u s-self harm;

* Issir riċerka magħmula Malta biex ikun identifikat dak li qiegħed isir tajjeb u dak li għandna bżonn inbiddlu jew insaħħu;

* Leġislazzjoni biex f’kull kumpanija tal-gvern ikun hemm membru eżekuttiv għall-kriżijiet li xogħlu jkun li jidentifika u jagħti għajnuna lill-ħaddiema f’riskju;

* Allokazzjoni ta’ kull sena ta’ aktar fondi mill-baġit għas-saħħa mentali. Madwar id-dinja kollha hemm inqas minn 5% tal-baġit tas-saħħa ddedikat għall-problemi ta’ mard mentali u l-prevenzjoni tagħhom;

* Grupp terapewtiku fil-kampanja li jispeċjalizza fid-diżordnijiet tal-personalità;

* Fondi biex terapiji ġodda jkunu bla ħlas bl-istess mod kif trattamenti fiżiċi huma bla ħlas;

* Crisis Centre ibbażat bieb ma’ bieb mal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei mgħammar b’riżorsi umani, tagħmir u jsir stħarriġ biex tkun tingħata l-għajnuna lil min ikun fi kriżi psikoloġika. Dan bħalma nagħtu għajnuna state of the art lil min ikollu problema fis-saħħa fiżika;

* Rapport nazzjonali ta’ kull sena li jagħti n-numri u l-karatteristiċi tas-suwiċidju u s-self harm;

* Faċilità fil-komunità għall-persuni bl-awtiżmu li jkunu kbar fl-età;

* Homeless Unit għal dawk il-persuni bla saqaf fuq rashom u dawk li fl-istses ħin għandhom problemi psikoloġiċi;

* Shelters ta’ emerġenza għal dawk li għandhom problemi ta’ saħħa mentali;

* Sett forensiku għaż-żgħar li jkollhom kwartieri għalihom;

* Ċentru għall-minoranza etnika fl-Isptar u fil-komunità biex ikunu indirizzati diffikultajiet psikoloġiċi ta’ persuni minn kulturi differenti;

* Programm ta’ servizz nazzjonali biex ngħinu lil dawk bil-vizzji tal-gaming u l-Internet;

* Korsijiet biex intejbu s-social skills ta’ bejnietna;

* Servizzi ta’ rijabilitazzjoni speċjalizzati u mhux fil-kuntest tal-one size fits;

*  Aktar riċerka ta’ kwalità għolja magħmula minn Malta b’fondi mill-gvern biex is-servizzi kollha jkunu emalgamati u jsir xogħol f’team bil-għan li ma jkunx hemm replikazzjoni ta’ inizjattivi u ħela ta’ riżorsi;

* Ikun hemm żewġ Kummissarji – wieħed iddedikat għas-servizzi tas-saħħa mentali u l-ieħor għas-servizzi tal-anzjani.

Dott. Mark Xuereb temm jgħid li,” bħal Piglet u bħal Peppa, irridu naħdmu fuq dan l-arċipelago biex ikollna fondi, riżorsi u servizzi ta’ kwalità għolja kemm fil-kamp fiżiku, kif ukoll fil-kamp mentali. Dan verament nafuh lil l-unequals, lil dawn il-15-il persuna u lill-oħrajn li jirrappreżentawhom. Ilkoll jixirqilna nkunu ħnieżer kuntenti, twajba u ugwali”.

Jekk inti ġejt affetwat b’xi mod minn dan l-artiklu jew taf lil xi ħadd fi kriżi tista’ ċċempel għall-għajnuna fuq il-linja 24/7 tal-Crisis Resolution Malta fuq in-numru 9933 9966 jew inkella jniżżel il-Kriżi App li hija bla ħlas. 

Sport