Saturday, November 23, 2024

Jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-Premju Anzjanità Attiva 2020

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabbiltà Silvio Parnis fetaħ b’mod uffiċjali l-applikazzjonijiet għall-Premju Anzjanità għas-sena 2020.

Il-Premju Anzjanità Attiva huwa ċelebrazzjoni ta’ ammont kbir ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni fis-settur tal-anzjanità attiva. Dan huwa avveniment annwali li ser ikun parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jseħħu fix-xahar ta’ Ottubru, li huwa ddedikat għall-anzjani. Din is-sena, il-bord qiegħed jilqa’ applikazzjonijiet għal disa’ premjijiet: Premju Anzjanità Attiva; Premju Koppja Miżżewġa; Premju  Anzjanità Akkademika; Premju Anzjanità Sportiva; Premju Mudell Ideali; Premju Anzjanità Kulturali; Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali u żewġ premji ġodda, bl-isem ta’ Premju Anzjanità Attiva fid-Djar Residenzjali u Premju għall-Aqwa Nannu/Nanna.

Waqt dan il-ftuħ uffiċjali, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabbiltà Silvio Parnis qal li l-gvern għandu d-dmir li juri l-apprezzament tiegħu lejn kull min qed jaħdem għal soċjetà iżjed inklussiva, fejn il-persuni u l-qraba tagħhom jgħixu f’komunitajiet iżjed inklussivi, u b’hekk ikunu jistgħu jgħixu b’mod iżjed indipendenti. Is-Segretarju Parlamentari qal li dan il-premju jgħin ukoll sabiex iħeġġeġ lill-anzjani jibqgħu attivi. Dan ma jgħoddx biss għall-anzjani li jgħixu fil-komunità iżda wkoll għal dawk li jgħixu fid-djar residenzjali. Huwa proprju għalhekk li din is-sena hemm ukoll il-Premju Anzjanità Attiva fid-Djar Residenzjali. Is-Segretarju Parlamentari għalaq billi qal li din is-sena hija sena b’bosta sfidi, b’mod speċjali għall-anzjani tagħna. Huwa proprju għalhekk li qed inħeġġu lill-anzjani sabiex iżommu ruħhom attivi anki ġo darhom stess. Fil-fatt, tul din is-sena rajna ħafna anzjani li bdew joħorġu b’ideat ferm innovattivi sabiex iżommu lilhom infushom attivi f’darhom. Dawn l-ideat jimmeritaw li jiġu rikonoxxuti u kien għalhekk li, minkejja din il-pandemija, xorta waħda nħass li dawn l-inizjattivi għandhom jiġu rikonoxxuti anki jekk b’mod differenti.

L-applikazzjoni tista’ tinkiseb mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabbiltà, Palazzo Ferreria, Triq il-Repubblika, Valletta, Malta, permezz ta’ email fuq [email protected], minn fuq is-sit www.activeageing.gov.mt jew mill-uffiċini tal-kunsilli lokali.

In-nominazzjonijiet jagħlqu fit-30 ta’ Settembru 2020.

Il-preżentazzjoni se ssir fit-30 ta’ Ottubru 2020 u sal-lum huwa ppjanat li din issir b’mod virtwali.

Għal aktar għajnuna biex wieħed jimla’ l-applikazzjoni, jista’ jċempel fuq 25903241.

Sport