Wednesday, April 24, 2024

Jinħatar Kap Eżekuttiv tal-ħabs ġdid

Aqra wkoll

Ftit tal-ħin ilu għadha kemm ingħatat l-aħbar li s-Sur Christopher Siegersma, li attwalment huwa l-Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri, se jibda jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Dan wara li s-Sur Robert Brincau rriżenja mill-kariga tiegħu ta’ Kap Eżekuttiv hekk kif f’sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati mogħtija aktar kmieni llum, huwa kien ikkundannat 12-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li f’Awwissu tal-2022 darab sewwieq ta’ ambulanza tal-kumpanija privata Alpha Medical, ikkaġunalu ġrieħi ħfief u ġarr fuqu arma mingħajr liċenzja.

Barra minn hekk, il-Qorti ddikjarat konfiskar tal-arma tan-nar u l-balal li kienu involuti fil-każ.

Il-Prosekuzzjoni fil-każ ta’ Brincau tmexxiet mis-Supretendent Priscilla Caruana Lee u Ryan Vella.

L-Avukat Edmond Cuschieri deher għall-parte civile.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea.

Sport