“Infurmat li żewġ persuni, li bħalissa qed jiskontaw sentenza fil-ħabs, qed ikunu investigati mill-Pulizija. Dan wara operazzjoni investigattiva li bdiet fil-jiem li għaddew u li wasslet biex fi tfittxijiet, li saru ġewwa ċ-ċellel tagħhom stess, instabu żewġ mobile phones.”
Hekk ħabbar il-Ministru tal-Intern Glenn Bedingfield permezz tal-midja soċjali.
Il-Ministru qal li f’ċella oħra ta’ priġunier differenti nstab mobile phone ieħor.
Il-persuni, qed ikunu investigati wara informazzjoni li waslet għand il-Pulizija.
Ix-xogħol fuq din l-investigazzjoni bejn diversi entitajiet kien kordinat mil-Pulizija u fis-siegħat li ġejjin dawn il-persuni se jkunu interrogati.
“Diġà għidt li m’hu se nħarsu lejn wiċċ ħadd. Li kien għalija nħabbar anke l-ismijiet, iżda rrid nirrispetta l-investigazzjoni tal-Pulizija. F’għajnejn il-liġi kulħadd huwa l-istess,” temm jikteb il-Ministru Glenn Bedingfield.

