Sunday, December 22, 2024

Jinżamm arrestat ir-raġel mixli li waddab żebgħa lejn l-uffiċini tal-LESA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel ta’ 29 sena residenti l-Birgu nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti dalgħodu akkużat li waddab iż-żebgħa lejn l-uffiċċju tal-LESA fil-Fgura.

Apparti li ġie akkużat li volontarjament għamel ħsara ta’ aktar minn li ma taqbiżx l-€2,500, ir-raġel ġie akkużat ukoll li kkawża biża’ li se tintuża vjolenza kontra persuni, li huwa riċediv, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest minn sentenza oħra u li libes maskra fil-pubbliku biex ma jingħarafx.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li daħal rapport mil-LESA stess fl-Għassa tal-Pulizija li kienet twaddbet iż-żebgħa lejn l-uffiċċju. Mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà, l-akkużat inqabad u ġie arrestat wara li nħareġ mandat ta’ arrest kontrih. Saret tfittxija fir-residenza tiegħu u nstabu wkoll il-ħwejjeġ li allegatament wettaq l-imsemmi reat.

Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u spjegat li l-inċident ħoloq biża’ lil-LESA apparti li l-akkużat diġà kien instab ħati ta’ reat simili kontra l-LESA li qed jiġi appellat kif ukoll qed jiġi meqjus bħala s-suspettat ewlieni f’investigazzjoni separata.

Id-Difiża rribattiet li l-evidenza hija preservata u m’hemmx il-biża li tiġi mbagħbsa l-evidenza apparti l-fatt li l-akkużat għandu xogħol fiss.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Abigail Critien ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u semmiet li r-reati huma serji u għad irid jixhdu xi persuni oħra.

L-Ispettur Gabriel Kitcher mexxa l-Prosekuzzjoni.

L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri rrappreżentaw lill-imputat.

Ekonomija

Sport