Friday, April 26, 2024

Jisħaq kontra l-attakki kontra l-eks Prim Imħallef Joe Azzopardi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fit-tkomplija tad-diskussjoni Parlamentari b’rabta mal-abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut attakka lill-Prim Ministru u qal li din l-emenda turi kemm hu arroganti, indiċenti u beżżiegħ u li skontu l-għażla tal-Kummissarju tal-Istandards hija waħda li tagħtih serħan il-moħħ għax dan mhux se jqatta’ blat.

Min-naħa tiegħu d-deputat Laburista Edward Zammit Lewis saħaq li hu ilu minn meta kien Ministru jappella biex ma jkunux attakkati l-persuni. Huwa ta l-eżempju bl-Ispeaker tal-Kamra Anglu Farrugia wara karriera politika, li daħal fil-kariga attwali, infatam u llum imexxi bl-aħjar mod.

Huwa qal li filwaqt li n-naħa l-oħra tal-Kamra qed tgħid li s-sur Joe Azzopardi mhux denju, kien f’amministrazzjoni Nazzjonalista li baqa’ jiġi afdat biex imexxi ċertu karigi. Kien hawnhekk li saħansitra rrefera għal xi deċiżjonijiet tal-Prim Imħallef Joe Azzopardi fejn huwa ddeċieda favur il-Partit Nazzjonalista u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Zammit Lewis qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni jew aħjar uħud mill-membri tagħha joħorġu b’ideat tajbin, iżda ta’ min ma jintesiex iż-żmien fejn taħt gvern Nazzjonalista l-karigi donnhom kienu xi logħba b’karigi jinbidlu minn Nofstanhar għal ieħor.

Zammit Lewis qal li Robert Abela huwa mexxej, għax imexxi b’konvinżjoni. Huwa saħaq li ma jistax persuna li għadu jirfes l-għatba tal-parlament jasal biex jgħid ċertu diskors fuq ċertu persuni. Huwa saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela, wara rebħa ta’ 40,000 maġġoranza għażel li jneħħi minn taħt idejh ċertu poteri għall-interess nazzjonali.

Zammit Lewis qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni qiegħda tgħid li l-anti-deadlock mechanism se jkun qiegħed joqtol id-demokrazija tal-pajjiż, il-Kummissjoni Venezja ilha tgħid mod ieħor u dan iġifieri li l-mekkaniżmu huwa bżonjuż f’każ ta’ nuqqas ta’ qabil.

Huwa appella lill-Oppożizzjoni biex taċċetta l-offerta tajba li qiegħda tiġi mressqa. Huwa qal li fuq kollox il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qabel maż-żewġ persuni biex jimlew il-karigi rispettivi, iżda b’xi mod spiċċa jagħmel żvolta fil-ħsieb tiegħu biex għaddejjin dawn id-diskussjonijiet fejn saħansitra d-djalogu spiċċa “sfortunatament” jitkellem dwar il-persuni.

Sport