Hekk kif daħal fit-tieni jum tiegħu l-ġuri dwar żewġ omiċidji – dawk ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-Avukat Carmel Chircop – il-Prosekuzzjoni bdiet tressaq il-provi tagħha, bl-ewwel xhud fis-seduta ta-lum ikun l-Ispettur Kurt Zahra mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri li spjega fid-dettall x’kienu jinvolvu l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dawn l-omiċidji.
Filwaqt li erbat irġiel jinsabu akkużati b’reati relatati mal-omiċidju tal-Avukat Chircop – l-aħwa Adrian u Robert Agius, Jamie Vella u George Degiorgio – tnejn minnhom, Robert u Jamie, qed ikunu akkużati wkoll li fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
L-Ispettur Zahra beda biex spjega li nhar is-16 t’Ottubru 2017, għall-ħabta tat-3.10 p.m., kien irċieva telefonata fejn kien infurmat li fi Triq il-Bidnija, il-Mosta kien hemm vettura li kienet splodiet. L-informazzjoni kienet li konsegwenza tal-isplużjoni kien hemm persuna ta’ sess femminili li kienet sfat vittma u mietet. Aktar tard irriżulta li l-vittma kienet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
“Kont mort fuq il-post. Innutajt li ż-żona kienet magħluqa. Osservajt karozza f’għalqa li kellha d-duħħan ħiereġ minnha. Apparti l-karozza, stajt nara r-rotta minn fejn għaddiet il-karozza waqt li kienet ħadet in-nar.
“Iltqajt mal-Ispettur Nicholas Vella u indikali li fit-triq kien hemm number plate ta’ karozza. Stajt nara wkoll li kien hemm partijiet mill-vettura u kienu jidhru partijiet ta’ ġisem ta’ persuna,” qal l-Ispettur Zahra.
Huwa tenna li din il-karozza kienet tappartjeni lil Percius Car Hire, li min-naħa tagħhom kienu qalulhom li din il-karozza kienet mikrija lil Daphne Caruana Galizia. Qal ukoll li kien tkellem ma’ Matthew Caruana Galizia, iben il-vittma, u qalilhom li ftit tal-ħin qabel seħħet l-isplużjoni ommu kienet għadha kemm telqet mid-dar.
“Qalli li wara li ħarġet reġgħet daħlet lura għax kienet nesiet ic-cheque book u wara reġgħet ħarġet. Imbagħad sema’ splużjoni kbira. Kif ħareġ ra l-vettura tibqa’ nieżla fl-għalqa. Spjega li ġurnata qabel l-isplużjoni fis-7.00 p.m. din il-vettura kienet ipparkjata quddiem il-gate, u din reġgħet kienet intużat fit-3.00 p.m. tal-għada.”
Intant, l-Ispettur Zahra kien ukoll ta struzzjonijiet lil żewġ uffiċjali tal-pulizija oħra sabiex iduru fiż-żona biex jaraw isibux xi ħaġa jew ikellmu persuni li jistgħu jgħinuhom fl-investigazzjonijiet.
Ġie identifikat Frans Sant, li spjega li fil-ħin tal-isplużjoni hu kien ġej min-naħa opposta. Sant jiddeskrivi li “l-ewwel kien hemm splużjoni żgħira mbagħad rajt il-persuna li kien hemm fil-karozza tippanikkja, imbagħad kien hemm splużjoni kbira u l-karozza baqgħet nieżla fl-għalqa.”
Il-Pulizija kellmet ukoll lil ċertu Carmel Wallace Sammut li joqgħod ftit ’il bogħod minn fejn seħħ l-inċident. Dan qalilhom li madwar tliet ġimgħat qabel l-omiċidju kien innota vettura żgħira bajda. Dan filwaqt li fis-16 f’Ottubru 2017 dik l-istess vettura kien innutaha għall-ħabta tad-9.00 a.m., in-nofsiegħa filwaqt li l-mara tiegħu nnutatha wkoll għall-ħabta tas-2.30 p.m.
Minn aktar spezzjonijiet f’żona li indikalhom Sammut instabet loqma ta’ sigarett li ġiet elevata mill-esperti forensiċi. Fuq din il-loqma tas-sigarett kien hemm DNA li aktar tar kien jaqbel ma’ wieħed mis-suspettati eżekuturi.
Dakinhar tad-delitt, il-Pulizija kienu wkoll ġew infurmati li se jkunu assistiti minn esperti forensiċi mill-Olanda. Tlitt ijiem wara kienu ġew jassistu wkoll l-FBI.
“Minn aktar investigazzjonijiet ġie identifikat pattern b’numri tal-mobiles li bdew jintużaw ma’ tliet numri oħra li jagħmlu użu minhom Alfred Degiorgio, George Degorgio u Vince Muscat.”
Ġie identifikat numru fejn kien hemm disruption u anke kien intbagħat code biex ġiet attivata l-bomba. Dan il-code ntbagħat minn xi mkien fuq il-baħar, u meta nġiebet camera tal-port dehret dgħajsa użata mill-aħwa Degiorgio dieħla fil-port.
L-Ispettur Zahra kompla jispjega li fl-4 ta’ Diċembru 2017 ġew arrestati numru ta’ persuni fosthom George u Alfred Degiorgio u anke Vince Muscat. Sar rejd fit-tinda tal-Patata fil-Marsa u fil-baħar kienu nstabu numru ta’ burning phones. Dawn it-tliet persuni kienu tressqu l-Qorti u ġew akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Madanakollu, ix-xhud qal li kien ċar li dawn ma kinux l-unika persuni involuti f’dan id-delitt u għalhekk issoktaw l-investigazzjonijiet. Minn aġġornament li kien tah l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, irriżulta li t-tliet eżekuturi kienu qed jikkomunikaw ma’ Mario Degiorgio. Ma’ dan Mario kien qed jikkomunika ċertu Melvin Theuma u dan tal-aħħar beda jgħaddilu xi flus għall-akkużati.
“Jirriżulta wkoll li Melvin kellu diżgwid ma’ xi ħadd. Ġie stabbilit li Melvin kellu recordings ma’ Yorgen Fenech li kienu ta’ interess. Melvin jidher li kien involut ukoll allegatament fuq lottu klandestin.
“Fl-14 ta’ Novembru 2019, Melvin kien arrestat. Fl-istess ħin konna nafu li Melvin għandu recordings ta’ interess għalina. Ċempilli l-Assistent Kummissarju Arnaud u qalli li kienu għadhom kemm arrestaw lil Melvin u miegħu kellu kaxxa tal-ġelati. F’din il-kaxxa kien hemm tliet USB drives, zewġ pakketti karti fost oħrajn. Dawn il-USB drives għaddew għand l-uffiċjali tal-Europol.”
“Theuma kien kellem lill-Avukati tiegħu u talab il-maħfra presidenzjali biex jagħti informazzjoni fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ġejt infurmat li fid-19 ta’ Novembru 2019 se nibdew inkellmu lil Melvin Theuma biex naraw dan x’għandu xi jgħid dwar il-qtil biex ikun jista’ jieħu l-maħfra.
Melvin kien stqarr li fil-bidu tal-2017 huwa ltaqa’ ma Yorgen Fenech ħdejn il-Blue Elephant. Qal li Yorgen allegatament qallu sabiex ikellem lil George ċ-Ċiniż biex “tinqatel Daphne Carana Galizia għax kienet se toħroġ storja fuq iz-ziju Ray.”
Min-naħa tiegħu, Theuma kien iltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio fl-Imsida fejn kellhom diskussjoni u l-prezz miftiehem biex jitwettaq dan id-delitt kien ta’ €150,000, b’€30,000 jkollhom bħala depożitu.
Intqal li wara l-elezzjoni tal-2017, Melvin kien irċieva telefonata mingħand Yorgen u allegatament qallu biex ikompli bil-pjan li kellhom. Wara li seħħ il-qtil, Melvin kien għadda lill-eżekuturi l-kumplament tal-€120,000.
Fl-20 ta’ Novembru 2019, il-Pulizija kompliet titkellem ma’ Melvin b’mod awdjoviżiv u anke jisimgħu r-rekordings fejn jinstemgħu diskussjonijiet li kien ikollu ma’ Yorgen u diskussjonijiet allegatament relatati mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Imbagħad qal li Yorgen Fenech ġie arrestat waqt li kien ħiereġ fuq dgħajsa minn Portomaso.
F’Diċembru tal-2019, l-Ispettur kien ġie infurmat ukoll li Vince Muscat kien ukoll talab għal proklama. Muscat kien ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia u kien intbagħat 15-il sena ħabs wara li ntlaħaq patteġġjament. Muscat kien ingħata l-proklama dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop li kien seħħ f’Ottubru tal-2015.
Muscat kien allega mal-pulizija li Robert Agius u Jamie Vella pprokuraw tliet bombi. Spjega wkoll li qabel l-omiċidju, Robert Agius kien irranġa biex tinkera vettura tal-istess għamla ta’ Caruana Galizia, sabiex George Degiorgio jipprattika kif tinfetaħ il-karozza tagħha biex titpoġġa l-bomba.
Dwar l-Avukat Chircop, Vince Muscat qal li huwa kien fil-vettura ma’ min spara lill-vittma. Qal li ġew sparati ħames tiri u rrakkonta wkoll ir-rotta li ħadu biex il-qattiela ħarbu minn fuq il-post.
Il-ġuri jkompli.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella, Godwin Cini u Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Għal Robert Agius qed jidhru l-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin filwaqt li Adrian Agius qed ikun assistit mill-Avukat Nicholas Mifsud.
Għal Jamie Vella qed jidhru l-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia filwaqt li għal George Degiorgio qed jidhru l-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri.
L-Avukati Jason Azzopardi qed jidhru parte civile għall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia filwaqt li l-Avukat Vincent Galea qed jidher parte civile għall-familja tal-Avukat Carmel Chircop