Friday, September 27, 2024

Jitħabbru d-dettalji dwar il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2024

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar id-dettalji dwar il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2024. Dan il-premju għandu l-għan li jirrikonoxxi l-ħaddiema li jispikkaw bl-etika tax-xogħol tagħhom u bl-impenn li juru fil-post tax-xogħol u fil-komunità.

“Il-ħaddiema huma l-qalba tal-ekonomija tagħna u dan il-premju jservi biex niċċelebraw il-valuri tagħhom, il-kisbiet straordinarji u l-kontribut sinifikanti li jagħmlu għall-pajjiż. Dan il-premju huwa l-pjattaforma ideali biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-ħaddiema fil-pajjiż tagħna u kif dawn jgħinu biex inkomplu nsaħħu l-ekonomija u l-komunità,” tenna s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

L-għanijiet tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena huma, fost oħrajn, li jippromwovi l-iżvilupp personali u professjonali tal-ħaddiema, li jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċjaw l-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, li jippromwovi prattiċi tajbin, li jiċċelebra s-suċċessi, kif ukoll l-apprezzament għad-diversità tax-xogħol u promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs.

Iċ-Chairperson tal-Bord tal-għażla tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena, Angela Agius qalet, “Dan il-premju jirrikonoxxi individwi u timijiet li jħaddnu l-valuri u l-etika tax-xogħol, u li juru eżempju straordinarju fl-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom. Din l-inizjattiva tiċċelebra s-suċċessi tal-ħaddiema f’kategoriji differenti u tippromwovi prattiċi tajbin u l-kwalità tax-xogħol.”

In-nominazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2024 infetħu llum, il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru 2024, u se jagħlqu l-Ġimgħa 15 ta’ Novembru 2024. Is-serata tal-għoti tal-premju se ssir is-Sibt 7 ta’ Diċembru 2024. Is-sottomissjonijiet tal-applikazzjonijiet huma mingħajr ħlas u huma miftuħa għall-impjegati, min iħaddem, dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll għal organizzazzjonijiet fis-settur pubbliku, privat, u għall-komunità. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi fuq premjuhaddiem.gov.mt, fejn tista’ wkoll tinkiseb aktar informazzjoni u gwida. Il-finalisti se jiġu magħżula u mgħarrfa sad-29 ta’ Novembru 2024.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport