Friday, September 27, 2024

Sentenza sospiża għal raġel li ammetta li baqa’ dieħel f’parapett ta’ residenza fin-Naxxar fejn seħħet l-isparatura

Aqra wkoll

Raġel ta’ 41 sena residenti Ħal Qormi ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tlett snin. Dan wara li fil-Qorti, ammetta li saq ġo grada ta’ residenza ta’ u kkaġuna ħsara volontarja fi propjeta’ fin-Naxxar.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mexxija mill-Ispettur Joseph Mallia spjegat li l-imputat ġie arrestat wara li ta ruħu b’idu fl-Għassa ta’ Ħal Qormi. Ingħad li fl-Għassa, Michael Camilleri ammetta li saq u faqa’ l-grada tar-residenza fin-Naxxar.

Ġie spjegat li l-każ seħħ l-Erbgħa filgħaxija fi Triq Santa Klara fin-Naxxar. Fil-Qorti, intqal li allegatament ġew sparati diversi tiri f’residenza. L-Ispettur Mallia spjega li meta l-Pulziija waslu fuq il-post, innutaw xatba ta’ residenza mkissra u xi persuni fuq ġewwa.

Minn stħarriġ illi sar, ġie stabbilit li Camilleri huwa l-persuna li saq bil-karozza ġox-xatba u kissirha. Dak il-ħin, fuq ġewwa kien hemm żewġt irġiel u tliet nisa. Ħadd minnhom ma’ weġġa’.

Fil-Qorti, intqal li l-investigazzjoni għadha għaddejja minħabba li ġew sparati it-tiri ta’ arma tan-nar. L-ispettur inkarigat mill-investigazzjoni, ikkonferma li t-tiri ma kienux sparati minn Camilleri.

Intqal ukoll li l-karozza tiegħu kellha diversi ħsarat, bil-faċċata tagħha mimlija tiri ta’ arma tan-nar. Il-ħsarat li saru fir-residenza jammontaw għal €500.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech sabet lil Camilleri ħati u minbarra s-sentenza sospiża, ġie mmultat €3,000. Il-Qorti ordnatlu wkoll sabiex iħallas tal-ħsarat lill-allegati vittmi fi żmien sitt xhur.

Il-Maġistrat Grech ħareġ ukoll ordni ta’ trażżin fil-konfront tiegħu u skwalifikalu l-liċenzja tas-sewqan għal 3 xhur.

L-Avukati Franco Debono, Jose Herrera, Martina Herrera u Matthew Xuereb qed jidhru għal Camilleri, filwaqt li għall-allegati vittmi dehru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport