Thursday, December 26, 2024

Jitneħħew l-imwejjed u s-siġġijiet li kienu ta’ żgombru fi Triq Santa Luċija, fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Fil-Belt Valletta, dalgħodu saret ħidma ta’ infurzar b’rabta mal-imwejjed u s-siġġijiet. Wara kuntatt dirett mal-awtoritajiet, is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay ħabbar li fi Triq Santa Luċija tneħħew l-imwejjed u s-siġġijiet li kienu qed joħolqu ostaklu lil vetturi li jkollhom bżonn jgħaddu minn hemm f’każ ta’ emerġenza.

Is-Sindku tal-Belt Valletta stqarr li kien hemm ħafna residenti li għamlu kuntatt miegħu wara l-inkonvenjenza li nħolqot il-Ħamis f’ħin partikolari f’din l-istess triq. Dan wara li ambulanza sabet diffikultà biex tgħaddi mill-imsemmija triq sakemm tneħħew is-siġġijiet u l-imwejjed li kien hemm.

Fil-kummenti tiegħu, is-Sur McKay qal li kontinwament qiegħed jitkellem man-nies u jisma’ l-ilmenti tagħhom. Qal li Kunsill ġdid beda jaġixxi u qed jaħdem fuq pjan ta’ perimetri ta’ sigurtà flimkien mar-residenti u s-sidien tan-negozji.

Tenna li wieħed irid japprezza li hemm ċertu proċessi li jieħdu l-ħin tagħhom biex ikunu jistgħu jiġu implimentati. “L-għan aħħari dejjem jibqa’ t-tisbiħ u sigurtà għall-Belt Valletta,” temm jgħid is-Sur McKay.

Ekonomija

Sport