Jitnieda stħarriġ pubbliku bħala parti mill-pjan Malta in Motion

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli nieda stħarriġ pubbliku bl-isem Your Journey, Your Say, bħala parti mill-pjan Malta in Motion, bil-għan li jifhem aħjar kif in-nies jivvjaġġaw f’pajjiżna, l-isfidi li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum u x’jista’ jsir biex is-sistema tat-trasport tkun aktar effiċjenti u aċċessibbli.

Permezz ta’ dan l-istħarriġ, il-pubbliku qed jiġi mistieden jaqsam l-esperjenzi tiegħu, kemm jekk juża l-karozza privata, it-trasport pubbliku, il-ferries, ir-rota jew jivvjaġġa bil-mixi. L-informazzjoni miġbura se tikkumplimenta d-dejta eżistenti u tgħin biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet li għandhom jiggwidaw l-ippjanar tat-trasport fis-snin li ġejjin.

Il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett sostna li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku hija fundamentali sabiex il-pjan Malta in Motion jirrifletti r-realtajiet li n-nies jesperjenzaw kuljum.

“Ma nistgħux nippjanaw il-futur tat-trasport ta’ pajjiżna mingħajr ma nisimgħu lil dawk li jużawh ta’ kuljum. Irridu nisimgħu lil min iqatta’ ħin fit-traffiku, lil min juża l-karozza tal-linja u lil min jixtieq ikollu aktar għażliet dwar kif jivvjaġġa. Malta in Motion huwa pjan li jrid jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies, u għalhekk irridu li n-nies ikunu parti minn dan il-proċess,” qal il-Ministru Bonett.

Min-naħa tagħha, Dr Stephanie Bonello, li qed tmexxi l-implimentazzjoni tal-pjan Malta in Motion, spjegat li dan l-istħarriġ se jgħin biex tinbena stampa aktar ċara tal-mod kif in-nies jivvjaġġaw u tal-fatturi li jinfluwenzaw l-għażliet tagħhom.

“Permezz ta’ dan l-istħarriġ irridu nifhmu mhux biss kif in-nies qed jivvjaġġaw illum, iżda wkoll x’qed iżommhom milli jagħżlu mezzi oħra tat-trasport. Billi ngħaqqdu l-esperjenzi tan-nies mad-dejta li diġà għandna, inkunu f’pożizzjoni aħjar li nidentifikaw fejn hemm bżonn titjib u li nieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati għall-futur,” spjegat Dr Bonello.

L-istħarriġ huwa miftuħ kemm għar-residenti kif ukoll għall-viżitaturi u se jibqa’ għaddej mit-2 ta’ Novembru għal perjodu inizjali ta’ erba’ ġimgħat. Huwa stmat li r-residenti jieħdu madwar 15-il minuta biex jimlew l-istħarriġ, filwaqt li l-viżitaturi jieħdu madwar ħames minuti. Ir-riżultati mistennija jiġu ppubblikati fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Il-Ministeru qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jipparteċipa u jagħti sehmu f’dan il-proċess, li se jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ sistema tat-trasport aktar moderna, integrata u sostenibbli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport