Tuesday, December 24, 2024

Jonqsu l-kuntratti u jiżdiedu l-konvenji f’Settembru

Aqra wkoll

FʼSettembru 2023, il-kuntratti taʼ bejgħ u l-konvenji taʼ proprjetajiet residenzjali ammontaw għal 815 u 1,026 rispettivament. Meta mqabblin maʼ dawk irreġistrati fl-istess xahar taʼ sena qabel, dawn iċ-ċifri juru tnaqqis taʼ 23.6 fil-mija fil-kuntratti taʼ bejgħ u żieda taʼ 5.3 fil-mija fil-konvenji.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li f’Settembru li għadda, 91.9 fil-mija tal-kuntratti kienu jikkonsistu minn xerrejja individwali (familji), filwaqt li kważi l-bqija tal-kuntratti l-oħra kienu magħmula minn kumpaniji. 

Il-valur tal-kuntratti li jinvolvu xerrejja individwali (familji) kien jammonta għal €181.9 miljun, li huwa ekwivalenti għal 79.9 fil-mija tal-valur totali.

L-akbar għadd taʼ kuntratti taʼ bejgħ kien irreġistrat fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port u fid-Distrett tat-Tramuntana, bʼtotal taʼ 261 u 140 kuntratt rispettivament. L-inqas numri taʼ kuntratti kienu nnotati fid-Distrett tal-Punent u fid-Distrett taʼ Għawdex u Kemmuna bʼ74 u bi 98 kuntratt rispettivament.

L-akbar ammont taʼ kuntratti taʼ bejgħ kien irreġistrat fʼdawn il-lokalitajiet: San Pawl Il-Baħar (54), Birkirkara (50) u Marsaskala (40). Dawn il-kuntratti kienu jgħoddu għal 17.7 fil-mija tal-kuntratti kollha rreġistrati f’Settembru 2023.

Ekonomija

Sport